L-euro hija t-tieni l-aktar munita użata għat-tranżazzjonijiet finanzjarji globali u munita ta’ riżerva attraenti għall-pajjiżi madwar id-dinja.
Ir-rati tal-imgħax fiż-żona tal-euro jinfluwenzaw l-iżvilupp ekonomiku u l-istabbiltà tal-prezzijiet. Il-ġestjoni tal-movimenti u l-kambji tal-munita ta’ kuljum hija r-responsabbiltà tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) indipendenti. Bil-kwartieri tiegħu li jinsabu fi Frankfurt, il-BĊE hu l-bank ċentrali tal-21 pajjiż tal-Unjoni Ewropea li adottaw l-euro: Hu jaħdem biex iżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet, u biex jippreserva l-kapaċità tal-akkwist tal-munita unika.
Għalkemm it-taxxi u l-baġits nazzjonali jibqgħu r-responsabbiltà tal-pajjiżi individwali, il-gvernijiet nazzjonali qablu dwar regoli komuni dwar il-finanzi pubbliċi biex ikunu jistgħu jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom għall-istabbiltà, it-tkabbir u l-impjiegi.
Il-ministri tal-finanzi tal-pajjiżi taż-żona tal-euro jiltaqgħu diversi drabi fis-sena fil-Grupp tal-Euro biex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-euro. Huma jikkoordinaw il-politiki ekonomiċi u baġitarji tagħhom biex jippromwovu l-kundizzjonijiet għal tkabbir ekonomiku aktar b’saħħtu.
Produzzjoni ta’ muniti u karti tal-flus
Mill-2002, il-karti tal-flus tal-euro bdew jiġu prodotti b’mod konġunt mill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro. Kull bank ċentrali nazzjonali hu responsabbli għal proporzjon tal-produzzjoni annwali totali f’denominazzjoni waħda jew aktar.
Il-gvernijiet nazzjonali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro huma responsabbli mill-produzzjoni tal-muniti tal-euro.
Miżuri ta’ kontra l-falsifikazzjoni ta' flus
Is-sigurtà kienet kunsiderazzjoni kbira ħafna waqt id-disinjar tal-muniti u l-karti tal-flus tal-euro. Mindu beda jintuża, il-livelli ta’ falsifikar ta' flus fiż-żona tal-euro kienu relattivament baxxi. Madankollu, peress li l-muniti u l-karti tal-flus tal-euro ta’ kull pajjiż - b’disinni distintivi - huma valuta legali fiż-żona tal-euro kollha, huma meħtieġa regoli u koordinazzjoni komuni biex ikun żgurat li l-miżuri ta’ kontra l-falsifikazzjoni ta' flus ikunu effettivi b’mod indaqs fil-pajjiżi kollha. Il-politika tal-UE kontra l-iffalsifikar tal-flus hi bbażata fuq 4 pilastri: il-prevenzjoni, ir-repressjoni, it-taħriġ u l-kooperazzjoni.
