Ħarsa ġenerali
Belt kapitali: Amsterdam
Lingwa(i) uffiċjali tal-UE: L-Olandiż
Pajjiż membru tal-UE: mill-1 ta’ Jannar 1958
Munita: l-euro. Membru taż-żona tal-euro mill-1 ta’ Jannar 1999
Schengen: Membru taż-żona Schengen mis-26 ta’ Marzu 1995.
Ċifri: Daqs ġeografiku - popolazzjoni - prodott domestiku gross (PDG) per capita skont l-istandards tal-poter tal-akkwist
Sistema politika
In-Netherlands hu monarkija parlamentari kostituzzjonali b’kap tal-gvern - il-prim ministru - u kap tal-istat - il-monarka. Kunsill tal-ministri għandu l-poter eżekuttiv. Il-pajjiż hu maqsum f’12-il provinċja u 388 muniċipalità. Hu maqsum ukoll fi 22 distrett tal-ilma, kull distrett regolat b’bord eżekuttiv li għandu awtorità fi kwistjonijiet tal-ġestjoni tal-ilma. In-Netherlands jinkludi 6 pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej fil-Karibew. Dawn it-territorji mhumiex parti mill-UE.
Kummerċ u ekonomija
L-aktar setturi importanti tal-ekonomija tan-Netherlands fl-2020 kienu l-attivitajiet tal-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet ta’ xogħol soċjali (21.7%), il-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, it-trasport, l-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel (20.4%), u l-attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi; attivitajiet amministrattivi u servizzi ta’ sostenn (14.7%).
Il-kummerċ fi ħdan l-UE jammonta għal 66% tal-esportazzjonijiet tan-Netherlands (il-Ġermanja 23%, il-Belġju 10% u Franza 9%), filwaqt li barra mill-UE 8% jmorru fl-Istati Uniti u 4% fir-Renju Unit.
F’termini ta’ importazzjonijiet, 42% jiġu minn Stati Membri tal-UE (il-Ġermanja 15% u l-Belġju 8%), filwaqt li barra mill-UE 17% jiġu miċ-Ċina u 8% mill-Istati Uniti.
In-Netherlands fl-UE
Il-Parlament Ewropew
Hemm 29 membru tal-Parlament Ewropew min-Netherlands. Skopri min huma dawn il-MPE
L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fin-Netherlands
Il-Kunsill tal-UE
Fil-Kunsill tal-UE, il-ministri nazzjonali jiltaqgħu b'mod regolari biex jadottaw il-liġijiet tal-UE u jikkoordinaw il-politiki. Il-laqgħat tal-Kunsill jattendu għalihom b’mod regolari rappreżentanti tal-gvern Olandiż, skont il-qasam tal-politika li jkun qed jiġi indirizzat.
Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE
Il-Kunsill tal-UE m’għandux persuna waħda permanenti bħala president (bħal pereżempju, il-Kummissjoni jew il-Parlament). Minflok, ix-xogħol jitmexxa mill-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, li jinbidel kull sitt xhur.
Matul dawn is-6 xhur, il-ministri mill-gvern ta’ dak il-pajjiż jippresiedu u jgħinu jiddeterminaw l-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill f’kull qasam ta’ politika, u jiffaċilitaw id-djalogu ma’ istituzzjonijiet oħrajn tal-UE.
Id-dati tal-presidenzi Olandiżi:
Lul-Diċ 1960 | Lul-Diċ 1963 | Lul-Diċ 1966 | Lul-Diċ 1969 | Lul-Diċ 1972 | Lul-Diċ 1976 | Jan-Ġun 1981 | Jan-Ġun 1986 | Lul-Diċ 1991 | Jan-Ġun 1997 | Lul-Diċ 2004 | Jan-Ġun 2016
Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE
Presidenza attwali tal-Kunsill tal-UE
Il-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissarju nominat min-Netherlands għall-Kummissjoni Ewropea hu Frans Timmermans, il-Viċi President Eżekuttiv għall-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Il-Kummissjoni hi rrappreżentata f’kull pajjiż tal-UE minn uffiċċju lokali, imsejjaħ “rappreżentanza”.
Ir-rappreżentanza tal-Kummissjoni fin-Netherlands
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
In-Netherlands għandu 12-il rappreżentant fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan il-korp konsultattiv – li jirrappreżenta lil dawk li jħaddmu, il-ħaddiema u gruppi oħrajn ta’ interess – hu kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex ikun hemm idea aħjar tal-bidliet possibbli tas-sitwazzjonijiet soċjali u tax-xogħol fil-pajjiżi membri.
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
In-Netherlands għandu 12-il rappreżentant fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, l-assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Dan il-korp konsultattiv jiġi kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex jiżgura li dawn il-liġijiet iqisu l-perspettiva minn kull reġjun tal-UE.
Ir-rappreżentanza permanenti għall-UE
In-Netherlands jikkomunika wkoll mal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tar-rappreżentanza permanenti tagħha fi Brussell. Bħala l-"ambaxxata għall-UE" tan-Netherlands, il-kompitu ewlieni tagħha huwa li tiżgura li l-interessi u l-politiki tal-pajjiż huma segwiti b’mod effettiv kemm jista’ jkun fl-UE.
Il-Baġits u l-Finanzjament
Kemm iħallas u jirċievi n-Netherlands?
L-ammont li jħallas kull pajjiż tal-UE fil-baġit tal-UE huwa kkalkulat b’mod ġust, skont il-mezzi. Aktar ma tkun kbira l-ekonomija tal-pajjiż, aktar iħallas – u viċi versa.
L-għan tal-baġit tal-UE mhuwiex li jipprova jqassam mill-ġdid il-ġid, iżda pjuttost jiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-Ewropej b’mod ġenerali.
Ċifri dwar il-baġit, id-dħul u l-infiq tal-UE:
Il-proġetti ffinanzjati mill-UE fin-Netherlands
Il-flus imħallsa fil-baġit tal-UE min-Netherlands jgħinu biex jiġu ffinanzjati programmi u proġetti fil-pajjiżi kollha tal-UE - bħall-bini ta’ toroq, is-sussidjar ta’ riċerkaturi u l-ħarsien tal-ambjent.
Skopri aktar dwar kif in-Netherlands jibbenefika mill-finanzjament tal-UE.