Altiero Spinelli kien wieħed mill-awturi tal-Manifest ta’ Ventotene, wieħed mill-ewwel dokumenti li ħeġġew il-ħolqien ta’ Ewropa magħquda u kostituzzjoni Ewropea. Hu, flimkien ma’ priġunieri politiċi oħrajn, fassal il-manifest waqt li kien miżmum il-ħabs mir-reġim faxxist Taljan fuq il-gżira ta’ Ventotene.
Ħajja u żminijiet
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, Spinelli waqqaf il-Moviment Federalista fl-Italja. Matul il-bqija tas-snin 1940 u 1950, hu kien promotur qawwi tal-kawża federalista ta’ Ewropa magħquda. Fis-snin 1960, Spinelli, bħala konsulent u riċerkatur tal-gvern, stabbilixxa l-Istitut tal-Affarijiet Internazzjonali f’Ruma. Kien membru tal-Kummissjoni Ewropea mill-1970 sal-1976, u fl-1979, ġie elett bħala Membru tal-Parlament Ewropew.
Viżjoni għall-Ewropa
Fl-1980, flimkien ma’ MEPs oħrajn bi ħsieb Federalistiku, waqqaf il-“Klabb tal-Kukkudrill”, li l-membri tiegħu ressqu mozzjoni lill-Parlament biex jabbozza proposta għal trattat ġdid dwar l-Unjoni Ewropea. Fl-14 ta’ Frar 1984, il-Parlament Ewropew adotta l-proposta tiegħu b’maġġoranza kbira u approva l-“Abbozz tat-Trattat li Jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea”, il-“Pjan Spinelli”.
Diskors ta’ Altiero Spinelli fit-8 ta’ Lulju 1981 fi Strasburgu
Diskors ta’ Altiero Spinelli fit-8 ta’ Lulju 1981 fi Strasburgu
Fuq kollox, irridu nkomplu nżidu l-livell ta’ involviment ġenerali tal-Parlament. Hu għalhekk li qed nitolbu għal kumitat parlamentari ġdid li, ikun xi jkun it-titlu tiegħu, jiffoka esklużivament fuq din il-kwistjoni. Maż-żmien, dan jipproduċi rapporti interim, u jħeġġeġ lill-Parlament jagħżel bejn id-diversi għażliet imressqin u jibni kunsens wiesa’ kemm jista’ jkun permezz ta’ dibattitu miftuħ. L-għan ikun li jiġi adottat proġett ta’ riforma, b’kulħadd konxju mis-sinifikat u l-implikazzjonijiet.
Pubblikazzjonijiet
Aktar dwar il-ħajja, ix-xogħol u l-kontribuzzjoni ta’ Altiero Spinelli għall-proġett Ewropew