Dan huwa żmien ta’ tkabbir ekonomiku magħruf bħala “The Swinging Sixties”
Is-snin 60 huma perjodu tajjeb għall-ekonomija, megħjun mill-fatt li l-pajjiżi tal-KEE ma jibqgħux jimponu dazji doganali meta jinnegozjaw ma’ xulxin. Huma jaqblu wkoll dwar kontroll konġunt fuq il-produzzjoni tal-ikel, sabiex kulħadd issa jkollu biżżejjed x’jiekol. Mejju 1968 jara l-irvellijiet tal-istudenti f’Pariġi, u ħafna bidliet fis-soċjetà u fl-imġiba jsiru assoċjati mal-“ġenerazzjoni tat-68”.
3 ta’ Mejju 1960 – Tinħoloq l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles
Tiġi stabbilita l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) minn numru ta’ pajjiżi Ewropej li mhumiex parti mill-KEE: L-Awstrija, id-Danimarka, in-Norveġja, il-Portugall, l-Iżvezja, l-Iżvizzera u r-Renju Unit. Sal-2020, il-membri tagħha huma l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera.
Awwissu 1961 – Jinbena l-Ħajt ta’ Berlin
Il-gvern Komunista fil-Ġermanja tal-Lvant jibni ħajt matul Berlin kollu. Dan isir simbolu tas-separazzjoni tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Punent matul il-Gwerra Bierda.
30 ta’ Lulju 1962 – L-ewwel Politika Agrikola Komuni
L-ewwel politika agrikola komuni tagħti lill-pajjiżi tal-KEE kontroll konġunt fuq il-produzzjoni tal-ikel. Hemm biżżejjed ikel għal kulħadd u l-bdiewa jaqilgħu għajxien tajjeb. L-effett sekondarju mhux mixtieq huwa l-produzzjoni żejda, b'muntanji ta’ prodotti żejda. Mis-snin disgħin ’l hawn, il-prijoritajiet kienu li jitnaqqsu l-eċċessi, tiżdied il-kwalità tal-ikel u tiġi promossa s-sostenibbiltà.
20 ta’ Lulju 1963 – Il-KEE tiffirma l-ewwel ftehim internazzjonali kbir
Is-6 pajjiżi membri jiffirmaw il-Konvenzjoni ta’ Yaoundé biex jippromwovu l-kooperazzjoni u l-kummerċ ma’ 18-il ex kolonja fl-Afrika. Illum l-UE għandha relazzjoni speċjali ta’ dan it-tip ma’ 79 pajjiż fir-reġjuni tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP) u qed taħdem biex tibni sħubija aktar b’saħħitha mal-Afrika biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni għaż-żewġ kontinenti.
8 ta’ April 1965 – Jiġi ffirmat “It-Trattat li Jgħaqqad”
It-Trattat li jgħaqqad l-eżekuttivi tat-3 Komunitajiet (il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Euratom) huwa ffirmat fi Brussell u jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1967. Minn issa ’l quddiem, il-Komunitajiet Ewropej se jkollhom fergħa amministrattiva waħda (il-Kummissjoni) u eżekuttiv wieħed (il-Kunsill).
Mejju 1968 – L-irvellijiet tal-istudenti f’Pariġi
L-irvellijiet tal-istudenti u l-ħaddiema fi Franza iċaqilqu l-pedamenti tal-istat. Protesti iżgħar tal-istudenti jseħħu f’pajjiżi Ewropej oħra. Dawn jirriflettu l-frustrazzjoni għall-gvernijiet kif ukoll jipprotestaw għal darb’oħra kontra l-Gwerra tal-Vjetnam u t-tellieqa għall-armi nukleari.
1 ta’ Lulju 1968 – Il-bidu tal-Unjoni Doganali
Is-6 pajjiżi membri tal-KEE jneħħu d-dazji doganali fuq l-oġġetti importati minn xulxin, u b’hekk jippermettu l-kummerċ transfruntier ħieles għall-ewwel darba. Jiġu applikati wkoll l-istess dazji fuq l-importazzjonijiet tagħhom minn pajjiżi mhux fl-UE. Il-kummerċ bejn is-6 pajjiżi kif ukoll mal-bqija tad-dinja jikber b’pass mgħaġġel.
Awwissu 1968 – Ir-Rebbiegħa ta’ Praga tixxejjen
It-tankijiet Sovjetiċi jisħqu l-perjodu qasir magħruf bħala r-"Rebbiegħa ta' Praga" ta’ demokrazija fil-bidu tagħha fiċ-Ċekoslovakkja.