Appoġġ għal edukazzjoni ta’ kwalità, taħriġ u koeżjoni soċjali
L-UE tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jipprovdu l-aqwa edukazzjoni u taħriġ għaċ-ċittadini tagħhom. Tippromwovi wkoll il-multilingwiżmu fl-Ewropa, billi tgħin fit-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi, tinkoraġġixxi l-mobilità tal-istudenti, tat-trainees, tal-għalliema u taż-żgħażagħ, u tiffaċilita l-iskambji ta’ informazzjoni u esperjenza.
L-UE tistabbilixxi l-qafas għall-pajjiżi tal-UE biex jiskambjaw l-aħjar prattiki u jitgħallmu minn xulxin, bil-għan li:
- it-tagħlim tul il-ħajja u l-mobilità jsiru realtà
- jittejbu l-kwalità u l-effiċjenza tal-edukazzjoni u t-taħriġ
- jiġu promossi l-ekwità, il-koeżjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva
- jissaħħu l-kreattività, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija
Biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-qafas tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-UE timplimenta politiki f’setturi bħal:
- il-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal
- l-iskejjel
- l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali
- l-edukazzjoni għolja
- l-edukazzjoni tal-adulti
Fil-qasam taż-żgħażagħ, l-UE tistabbilixxi qafas għall-kooperazzjoni fost l-Istati Membri permezz tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ .
Permezz tal-programm Erasmus+, l-UE tipprovdi wkoll finanzjament, għodod u riżorsi għal individwi, organizzazzjonijiet u riforma tal-politika, f’oqsma bħal:
- studju, taħriġ u żvilupp għall-istudenti, it-trainees u l-professjonisti fl-edukazzjoni barra l-pajjiż
- opportunitajiet barra l-pajjiż għaż-żgħażagħ u l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ
- opportunitajiet għall-organizzazzjonijiet biex jiżviluppaw sħubijiet għall-innovazzjoni fl-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ
- l-iskambju tal-għarfien u r-riforma tal-politika bħala appoġġ għat-tkabbir, l-impjiegi, l-ekwità u l-inklużjoni soċjali fl-Ewropa
- Aktar dwar il-programm Erasmus+
Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà joħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jagħmlu volontarjat jew jaħdmu fi proġetti f’pajjiżhom stess jew barra mill-pajjiż li jgawdu minnhom komunitajiet u nies madwar l-Ewropa.