Niċċelebraw il-wirt kulturali u d-diversità tal-Ewropa
L-UE taħdem biex tippreserva l-wirt kulturali kondiviż tal-Ewropa u biex tappoġġja u tippromwovi l-industriji tal-arti u kreattivi fl-Ewropa. Huma ddedikati inizjattivi speċifiċi, bħas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali biex din il-kultura vibranti u varjata tkun aċċessibbli għal kulħadd.
Hemm komponenti kulturali f’ħafna politiki tal-UE, inklużi l-edukazzjoni, ir-riċerka, il-politika soċjali, l-iżvilupp reġjonali u r-relazzjonijiet esterni. Il-ħolqien u l-promozzjoni tal-kultura fid-dinja interattiva u globalizzata tal-lum tmur ukoll id f’id mat-teknoloġiji tal-midja u dawk diġitali. L-UE tippromwovi kollaborazzjoni tal-politika dwar il-kultura fost il-gvernijiet nazzjonali u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.
Permezz ta’ Ewropa Kreattiva, l-UE tappoġġja l-industriji Ewropej taċ-ċinema, tal-arti u dawk kreattivi għall-ħolqien ta’ impjiegi u tkabbir Ewropej, kif ukoll biex jinfetħu opportunitajiet, swieq u udjenzi ġodda internazzjonali.
Kull sena, jintgħażlu 2 ibliet Ewropej bħala l-kapitali kulturali tal-Ewropa: dan jagħti spinta addizzjonali lill-ekonomiji lokali, u jpoġġi l-enfasi fuq artisti lokali u l-ġid kulturali uniku ta’ kull belt.
L-UE tissieħeb ukoll ma’ festivals tal-films, esibizzjonijiet kulturali, kunċerti, konferenzi u premjijiet artistiċi madwar l-Ewropa fis-sena kollha.