Investiment f’futur ta’ enerġija sostenibbli għall-Ewropa
L-UE tippromwovi b’mod attiv it-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn soċjetà b’livell baxx ta’ karbonju, u qed taġġorna r-regoli tagħha sabiex tiffaċilita l-investiment privat u pubbliku meħtieġ f’din it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Dan mhux biss għandu jkun ta’ ġid lill-pjaneta, iżda tajjeb ukoll għall-ekonomija u għall-konsumaturi.
It-tranżizzjoni lejn livell baxx ta’ karbonju għandha l-għan li toħloq settur tal-enerġija sostenibbli li jistimula t-tkabbir, l-innovazzjoni u l-impjiegi filwaqt li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja, tiżdied l-għażla, jissaħħu d-drittijiet tal-konsumatur, u fl-aħħar nett isir tfaddil fil-kontijiet domestiċi.
Approċċ tal-UE simplifikat u kkoordinat jiżgura impatt ġenwinament kontinentali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. L-azzjonijiet li jinkoraġġixxu enerġija rinnovabbli u li jtejbu l-effiċjenza tal-enerġija huma ċentrali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra tal-Ewropa u jintlaħqu l-impenji tal-Ftehim ta’ Pariġi.
Permezz tal-unjoni tal-enerġija Ewropea, l-UE qed tiżgura li hemm koerenza akbar fl-oqsma kollha ta’ politika sabiex jintlaħqu l-objettivi wiesa’ tal-ħolqien ta’ sistema tal-enerġija affidabbli, affordabbli u sostenibbli.
L-UE tipprovdi wkoll opportunitajiet differenti ta’ finanzjament u skemi ta’ self biex tgħin lill-kumpaniji u r-reġjuni jimplimentaw b’suċċess proġetti tal-enerġija.
Fuq livell internazzjonali, l-UE għandha rwol importanti, billi taħdem id f’id ma’ pajjiżi, reġjuni u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn biex jingħelbu l-problemi u jiġi żgurat suq tal-enerġija affidabbli u kompetittiv fl-Ewropa kollha.