Trasport sikur, sostenibbli u konness
Il-politika tal-UE dwar it-trasport tgħin biex l-ekonomija Ewropea tkompli timxi ’l quddiem billi tiżviluppa network infrastrutturali modern li jwassal għal vjaġġi aktar veloċi u sikuri, filwaqt li jippromwovi soluzzjonijiet sostenibbli u diġitali.
It-trasport huwa l-qofol tal-integrazzjoni Ewropea u huwa vitali għat-twettiq tal-moviment ħieles tal-individwi, is-servizzi u l-merkanzija. It-trasport huwa kontributur ewlieni għall-ekonomija, u jirrappreżenta aktar minn 9% tal-valur miżjud gross tal-UE (il-kontribuzzjoni għall-ekonomija). Is-servizzi ta’ trasport waħidhom ammontaw għal madwar EUR 664 biljun f’valur miżjud gross fl-2016 u jimpjegaw madwar 11-il miljun ruħ.
L-implimentazzjoni ta’ mezzi ta’ trasport sostenibbli u innovattivi għandha rwol importanti fl-għanijiet tal-UE fl-oqsma tal-enerġija u tal-klima. Minħabba li s-soċjetajiet tagħna qed isiru dejjem aktar mobbli, il-politika tal-UE tappoġġja s-sistemi tat-trasport biex jilqgħu għall-isfidi ewlenin:
- il-konġestjoni tat-traffiku: li taffettwa kemm it-traffiku tat-triq kif ukoll dak tal-ajru
- is-sostenibbiltà: it-trasport għadu jiddependi fuq iż-żejt għal ħafna mill-ħtiġijiet tiegħu tal-enerġija, li huwa ambjentalment u ekonomikament insostenibbli
- il-kwalità tal-arja: sal-2050, l-UE jeħtiġilha tnaqqas l-emissjonijiet mit-trasport b’60% meta mqabbla mal-livelli tal-1990, u tkompli tnaqqas it-tniġġis ikkawżat mill-vetturi
- l-infrastruttura: il-kwalità tal-infrastruttura tat-trasport mhix l-istess mal-UE kollha
- il-kompetizzjoni: is-settur tat-trasport tal-UE qed jaffaċċja kompetizzjoni dejjem akbar mis-swieq tat-trasport li qed jiżviluppaw b'rata mgħaġġla f'reġjuni oħra