Mur għall-kontenut ewlieni

Il-baġit tal-UE huwa prinċipalment iddedikat għall-investiment. Għal din ir-raġuni, l-UE tadotta pjanijiet ta’ nfiq fit-tul, magħrufa bħala oqfsa finanzjarji pluriennali (QFP), li jdumu għaddejjin għal perjodu ta’ 5-7 snin. Il-baġit fit-tul jistabbilixxi l-prijoritajiet u l-limiti tal-infiq tal-UE. Il-QFP kurrenti hu mill-2021 sal-2027.

Il-baġit tal-UE jiffinanzja attivitajiet li jvarjaw mill-iżvilupp taż-żoni rurali u l-konservazzjoni tal-ambjent sal-protezzjoni tal-fruntieri esterni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Flimkien man-NextGenerationEU, il-baġit jgħin lill-ekonomiji tal-UE jirkupraw mill-kriżi tal-COVID-19. Il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament kollha għandhom vuċi biex jiddeterminaw id-daqs tal-baġit u kif hu allokat. Madankollu, il-Kummissjoni hija responsabbli għall-ġestjoni tal-baġit. Kull sena, il-Parlament Ewropew jivvaluta l-implimentazzjoni tal-baġit tas-sena preċedenti u jiddeċiedi jekk jagħtix jew le “kwittanza” (jiġifieri, jekk japprovax il-mod kif il-Kummissjoni implimentat il-baġit) lill-Kummissjoni abbażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kunsill.  

Il-ġestjoni tal-fondi tal-UE

Matul il-perjodu 2021-2027:

  • l-awtoritajiet nazzjonali se jamministraw madwar tliet kwarti tan-nefqa tal-baġit b’mod konġunt mal-Kummissjoni Ewropea (ġestjoni kondiviża)
  • il-Kummissjoni Ewropea u l-aġenziji u d-delegazzjonijiet tagħha se jamministraw madwar 18% tal-baġit tal-UE (ġestjoni diretta)
  • organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, aġenziji nazzjonali jew pajjiżi mhux tal-UE se jamministraw 8% tal-baġit tal-UE (ġestjoni indiretta)
  • għan-NextGenerationEU, 90% tal-fondi se jiġu diretti permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), implimentata b’ġestjoni diretta (l-RRF hija strument li joffri għotjiet u self biex jappoġġja riformi u investimenti f’pajjiżi tal-UE b’valur totali ta’ €723.8 biljun)

Ir-responsabbiltà aħħarija għall-implimentazzjoni tal-baġit hija tal-Kummissjoni, li għandha tiżgura li kull euro li jintefaq jiġi rreġistrat u jingħata rendikont tiegħu. Meta jkunu saru pagamenti mhux dovuti, il-Kummissjoni taħdem mal-pajjiżi tal-UE kkonċernati biex tirkupra l-flus. L-informazzjoni dwar il-miżuri biex tiġi żgurata t-trasparenza u l-protezzjoni tal-UE tista’ tiġi kkonsultata hawnhekk

L-abbozzar tal-baġit

Il-baġit annwali jiġi deċiż b'mod konġunt mill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament. Il-Kummissjoni tissottometti abbozz tal-baġit lill-Kunsill u l-Parlament għall-kunsiderazzjoni tagħhom. Il-Kunsill u l-Parlament jistgħu jagħmlu bidliet fl-abbozz. Jekk il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament ma jaqblux, iridu jsibu kompromess.

Il-baġit ta’ kull sena jistabbilixxi l-ammonti disponibbli li għandhom jintefqu fil-limiti miftiehma minn qabel fil-qafas finanzjarju pluriennali. Dan jippermetti l-UE li tippjana l-programmi ta' finanzjament b'mod effettiv għal diversi snin minn qabel. 

Aqra aktar dwar il-proċedura baġitarja tal-UE

Fejn imorru l-flus

Il-baġit tal-UE hu maqsum f'madwar seba’ oqsma ta' nfiq

Il-baġit tal-UE għall-2023: oqsma prinċipali

Bħalissa, l-akbar sehem tal-baġit imur biex jgħin biex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni Ewropea. Il-baġit għall-2023 se jippermetti lill-UE timmobilizza fondi sinifikanti biex tgħin fil-mitigazzjoni tal-konsegwenzi severi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fil-pajjiż iżda wkoll fil-viċinat tan-Nofsinhar u fl-Istati Membri. Dan se jappoġġja wkoll l-irkupru sostenibbli li għaddej mill-pandemija tal-coronavirus, u jipproteġi u joħloq l-impjiegi. Il-bini ta’ Ewropa aktar ekoloġika u aktar reżiljenti, l-iżgurar ta’ tranżizzjoni diġitali ta’ suċċess u t-trawwim tal-innovazzjoni jammontaw ukoll għal sehem kbir mill-baġit. Oqsma oħra ta’ nfiq jinkludu l-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali, it-titjib tal-ġestjoni tal-fruntieri, u t-titjib tas-sigurtà. 

MFF 2021-2027 expenditure

Verżjoni tat-test

Fuljett b’ħarsa ġenerali lejn l-ammonti tal-QFP ikkalkulati bil-prezzijiet attwali.

Video gallery