Mur għall-kontenut ewlieni

Kif jiġi adottat il-baġit tal-UE

Baġit tal-UE

Il-baġit tal-UE jgħaqqad ir-riżorsi fil-livell Ewropew u jippermetti lill-pajjiżi tal-UE jiksbu aktar flimkien milli billi jaġixxu waħedhom. Il-baġit jgħin ukoll biex jiffranka l-flus pubbliċi billi jiffinanzja proġetti bħall-infrastruttura u l-programmi ta’ riċerka, u juża investimenti tal-UE relattivament żgħar b’effett multiplikatur, filwaqt li jevita d-duplikazzjoni tal-isforzi fil-livell nazzjonali.

Il-baġit tal-UE hu prinċipalment baġit ta’ investiment u jikkomplementa l-baġits nazzjonali tal-UE peress li l-għan ewlieni tiegħu hu li jagħti spinta lit-tkabbir u l-kompetittività f’livell Ewropew usa’. Dan jintuża biss meta jkun aktar effettiv li jintefqu l-flus fil-livell tal-UE milli fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali. Hu jiffinanzja attivitajiet li jinkludu:

  • l-iżvilupp taż-żoni rurali
  • il-promozzjoni tal-koeżjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent
  • l-appoġġ għall-programmi ta’ edukazzjoni u riċerka tal-UE (Erasmus u Orizzont)
  • il-protezzjoni tal-fruntieri esterni
  • iż-żieda fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp
  • il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

X’jagħmel il-baġit tal-UE: xi eżempji

Baġit fit-tul

Il-baġit fit-tul – magħruf bħala l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) – tipikament jiddefinixxi l-prijoritajiet u l-limiti tal-infiq għal perjodu ta’ 7 snin. Il-QFP jistabbilixxi l-ammonti massimi annwali (limiti massimi) għall-infiq tal-UE kollu kemm hu u l-kategoriji ewlenin ta’ nfiq (intestaturi), u jippermetti lill-UE tippjana l-programmi ta’ finanzjament tagħha diversi snin bil-quddiem. 

Il-QFP kurrenti hu mill-2021 sal-2027. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni kollha kkontribwew għan-negozjati tiegħu.

Baġit annwali

Kull sena jiġi nnegozjat u adottat baġit annwali ġdid. Dan jistabbilixxi l-infiq u d-dħul għas-sena finanzjarja fil-limiti miftiehmin taħt il-QFP li jkun hemm fis-seħħ dak iż-żmien.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni lkoll għandhom vuċi fid-determinazzjoni tad-daqs tal-baġit annwali u kif jiġi allokat. Iżda, skont it-Trattati (l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea), hi l-Kummissjoni li hi responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit. Skont in-natura tal-finanzjament ikkonċernat, il-baġit tal-UE jista’ jiġi ġestit (i) b’mod konġunt mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali; (ii) direttament mill-Kummissjoni jew (iii) indirettament minn awtoritajiet oħrajn ġewwa jew barra l-UE. Il-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni jaqsmu r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni ta’ madwar 80% tal-baġit.

Il-proċess ta’ negozjar baġitarju fit-tul

Preżentazzjoni tal-baġit

Il-proċess tan-negozjati għall-baġit fit-tul jibda ftit snin qabel l-adozzjoni attwali tiegħu.

Il-Kummissjoni tniedi l-proċess formali billi tippreżenta l-pakkett tal-QFP tagħha.

Dan il-pakkett jinkludi proposti għal:

  • Regolament dwar il-QFP, li jistabbilixxi kemm l-UE tista’ tonfoq
  • Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, li tistabbilixxi s-sorsi tad-dħul tal-UE
  • leġiżlazzjoni settorjali li tirregola l-programmi kollha ta’ finanzjament tal-UE

Negozjar tal-baġit

Il-Kunsill tal-UE jħejji l-pożizzjoni tiegħu, filwaqt li jidentifika l-punti li jeħtieġu direzzjoni politika u l-istabbiliment tal-prijoritajiet mill-mexxejja tal-UE. Is-sejbiet tiegħu jgħinu lill-Kunsill Ewropew ifassal l-abbozz ta’ konklużjonijiet tiegħu dwar il-pakkett tal-QFP.

Il-mexxejja tal-UE fil-Kunsill Ewropew jipprovdu gwida politika dwar l-elementi ewlenin tal-baġit fit-tul, biex b’hekk il-Kunsill ikun jista’ jilħaq il-pożizzjoni tiegħu.

Il-Parlament Ewropew jadotta wkoll pożizzjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni. In-negozjati trilaterali mal-Parlament Ewropew jibdew ladarba l-Kunsill Ewropew ikun qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu, bil-ħsieb li jiġi żgurat il-kunsens tal-Parlament Ewropew.

Adozzjoni tal-baġit

Il-baġit fit-tul imbagħad jiġi adottat wara proċedura leġiżlattiva speċjali.

Ir-Regolament QFP jiġi adottat wara li:

  • tintlaħaq l-unanimità biex jintlaħaq ftehim fil-Kunsill
  • il-Parlament Ewropew jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet (Il-Parlament Ewropew jista’ japprova jew jirrifjuta l-pożizzjoni tal-Kunsill iżda ma jistax jagħmel emendi għaliha).

Qabel ma d-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji tkun tista’ tidħol fis-seħħ din teħtieġ:

  • qbil unanimu għall-adozzjoni fil-Kunsill
  • opinjoni mill-Parlament Ewropew
  • approvazzjoni minn kull pajjiż tal-UE skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali tiegħu

QFP 2021-2027

Kif jiġi nnegozjat il-baġit fit-tul

Il-baġit fit-tul tal-UE spjegat

Il-proċess ta’ negozjar tal-baġit annwali

Bażi ġuridika

Il-baġit annwali tal-UE hu deċiż b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-proċedura li jsegwu hi stabbilita mill-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u sseħħ is-sena ta’ qabel l-implimentazzjoni tal-baġit.

Proċedura baġitarja standard

  • sal-1 ta’ Lulju, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jibagħtu lill-Kummissjoni d-dikjarazzjoni tal-estimi rispettiva tagħhom, imfassla skont il-proċeduri interni tagħhom
  • sal-1 ta’ Settembru, il-Kummissjoni tippreżenta l-abbozz tal-baġit annwali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill abbażi tar-Regolament QFP fis-seħħ u l-linji gwida tal-baġit għas-sena li ġejja. Fil-prattika, il-Kummissjoni għandha l-għan li tippreżenta l-abbozz tal-baġit f’Ġunju
  • sal-1 ta’ Ottubru, il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz ta’ baġit (inklużi l-emendi)
  • il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew issegwi fi żmien 42 jum (inkluż ukoll kwalunkwe emenda)

Jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma jaqblux: 

  • jitlaqqa’ Kumitat ta’ Konċiljazzjoni b’rappreżentanti taż-żewġ koleġiżlaturi u jingħata l-kompitu li jilħaq qbil dwar test konġunt fi żmien 21 jum mill-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew
  • il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom 14-il jum biex japprovaw jew jirrifjutaw it-test konġunt

Jekk it-test konġunt jiġi approvat:

  • il-baġit annwali jiġi adottat mill-Parlament Ewropew

Jekk il-Kunsill jirrifjuta t-test konġunt:

  • il-Parlament Ewropew xorta jista’ jadotta l-baġit iżda biss b’maġġoranza speċifika (maġġoranza tal-membri u tlieta minn kull ħames voti mitfugħa)

Jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn jirrifjutaw l-abbozz konġunt jew jonqsu milli jaqblu:

  •  il-baġit hu miċħud u l-Kummissjoni trid tippreżenta abbozz ta’ baġit ġdid

Il-baġit annwali jista’ jiġi emendat biex jirreaġixxi għal ċirkostanzi mhux mistennija jew fid-dawl ta’ informazzjoni mhux disponibbli fiż-żmien tal-proposta tal-Kummissjoni. Dan jista’ jseħħ permezz ta’ ittra ta’ emenda (jekk qabel l-adozzjoni finali) jew permezz ta’ baġit emendatorju (jekk matul l-implimentazzjoni). Kemm l-ittri ta’ emenda kif ukoll il-baġits emendatorji huma suġġetti għall-istess regoli proċedurali bħall-baġit ġenerali.

Skedar tal-baġit tal-UE

Dħul u nfiq tal-baġit tal-UE

Kif jitħejja l-baġit annwali tal-UE