Bħala l-ewwel Kanċillier tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li kienet għadha kif ġiet iffurmata bejn l-1949-63, Konrad Adenauer biddel il-wiċċ tal-istorja Ġermaniża u Ewropea ta’ wara l-gwerra aktar minn kwalunkwe individwu ieħor. Bħal bosta politiċi tal-ġenerazzjoni tiegħu, Adenauer kien diġà rrealizza wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, li l-paċi dejjiema setgħet tinkiseb biss permezz ta' Ewropa magħquda.

Fid-deċennji u s-sekli li għaddew, il-faħam u l-azzar kellhom rwol distruttiv fil-kunflitti bejn il-popli tal-Ewropa, peress li ntużaw għall-manifattura tal-armi. Ejjew nittamaw li l-faħam u l-azzar issa jgħaqqduhom biex jaħsbu u jaġixxu flimkien.
Ħajja u żminijiet
Adenauer twieled fil-5 ta’ Jannar 1876, iż-żwieġ tiegħu f’familja influwenti minn Cologne wasslu biex isir attiv fil-politika. Filwaqt li ħa vantaġġ sħiħ mit-talent politiku tiegħu, bħala membru tal-partit Kattoliku “Zentrum” il-karriera tiegħu mxiet ’il quddiem u sar Sindku ta’ Cologne fl-1917.
Mill-aħħar tas-snin 1920, il-Partit Soċjalista Nazzjonali (Nazi) beda kampanja ta’ malafama kontra Adenauer. Fl-1933, wara li n-Nazi ħadu l-poter, Adenauer irrifjuta li jżejjen il-belt bi swastikas għal żjara minn Hitler. Imbagħad tkeċċa mill-kariga u l-kontijiet bankarji tiegħu ġew iffriżati. Wara l-attentat fallut fuq ħajjet Hitler fl-1944, Adenauer inxteħet fi Brauweiler, il-ħabs magħruf tal-Gestapo f’Cologne.
Wara l-gwerra, hu ddedika ruħu għat-twaqqif tal-Unjoni Demokratika Kristjana (CDU), il-partit li hu ttama li jgħaqqad lill-Ġermaniżi Protestanti u Kattoliċi f’partit wieħed. Fl-1949, hu sar l-ewwel Kanċillier tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (il-Ġermanja tal-Punent).
Viżjoni għall-Ewropa
L-esperjenzi ta’ Adenauer matul it-Tieni Gwerra Dinjija għamluh realist politiku u ffoka l-attenzjoni tiegħu fuq il-promozzjoni tal-idea ta’ kooperazzjoni pan-Ewropea. Adenauer kien proponent kbir tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, li tnediet bid-Dikjarazzjoni ta’ Schuman fid-9 ta’ Mejju 1950, u t-Trattat għall-Komunità Ekonomika Ewropea ffirmat f’Marzu 1957.
Konrad Adenauer, jitkellem f’Metz, fl-1966
Diskors ta' Konrad Adenauer fit-2 ta' Lulju 1966 f'Metz
Jekk jirnexxielna noħolqu Organizzazzjoni li tħalli l-Franċiżi jkunu jafu dak kollu li qed jiġri fil-produzzjoni tal-azzar u l-estrazzjoni tal-karbonju fil-Ġermanja, u bl-istess mod tħalli lill-Ġermaniżi jsiru jafu x'qed jiġri fi Franza, dan il-kontroll reċiproku ikun l-aħjar mod biex titfassal politika bbażata fuq il-fiduċja.
Publikazzjonijiet
Aktar dwar il-ħajja, ix-xogħol u l-kontribuzzjoni ta’ Konrad Adenauer għall-proġett Ewropew