Skip to main content
European Union
European Commission - Logo

Ħarsa ġenerali

  • Rwol: Tippromwovi l-interess ġenerali tal-UE billi tipproponi u tinforza l-leġiżlazzjoni kif ukoll billi timplimenta l-politiki u l-baġit tal-UE
  • Membri: Tim jew "Kulleġġ" ta' Kummissarji, wieħed minn kull pajjiż tal-UE
  • President: Ursula von der Leyen
  • Stabbilita fis-sena: 1958
  • Post: Brussell (il-Belġju)
  • Sit webIl-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea hi l-fergħa eżekuttiva politikament indipendenti tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea hi l-unika responsabbli biex tfassal il-proposti għal leġiżlazzjoni Ewropea ġdida, u timplimenta d-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-UE.

X’tagħmel il-Kummissjoni?

Tipproponi liġijiet ġdida

Il-Kummissjoni hi l-unika istituzzjoni tal-UE li tressaq liġijiet għall-adozzjoni mill-Parlament u l-Kunsill:

  • tħares l-interessi tal-UE u ċ-ċittadini tagħha dwar kwistjonijiet li ma jistgħux jiġu riżolti b’mod effettiv fuq livell nazzjonali
  • tikseb id-dettalji tekniċi t-tajbin billi tikkonsulta mal-esperti u mal-pubbliku

Timmaniġġja l-politiki tal-UE u talloka finanzjament mill-UE

  • tistabbilixxi l-prijoritajiet ta’ nfiq tal-UE, flimkien mal-Kunsill u l-Parlament
  • tfassal il-baġits annwali għall-approvazzjoni mill-Parlament u l-Kunsill
  • tissorvelja kif jintefqu l-flus, taħt skrutinju mill-Qorti tal-Awdituri

Tinforza l-liġijiet tal-UE

  • flimkien mal-Qorti tal-Ġustizzja, hi tiżgura li l-liġi tal-UE tiġi applikata kif suppost fil-pajjiżi membri kollha

Tirrappreżenta l-UE internazzjonalment

  • titkellem għan-nom tal-pajjiżi kollha tal-UE f’korpi internazzjonali, b’mod partikolari fl-oqsma tal-politika tal-kummerċ u tal-għajnuna umanitarja
  • tinnegozja ftehimiet internazzjonali għall-UE

Kompożizzjoni

It-tmexxija politika hi pprovduta minn tim ta' 27 Kummissarju (wieħed minn kull pajjiż tal-UE) – immexxija mill-President tal-Kummissjoni, li jiddeċiedi min hu responsabbli għal liema qasam politiku.

Il-Kulleġġ tal-Kummissarji hu magħmul mill-President tal-Kummissjoni, it-tmien Viċi Presidenti tiegħu, inklużi tliet Viċi Presidenti Eżekuttivi, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u 18-il Kummissarju, kull wieħed responsabbli minn portafoll.

It-tmexxija ta' kuljum tal-ħidma tal-Kummissjoni ssir mill-istaff tagħha (avukati, ekonomisti, eċċ.), organizzat f'servizzi magħrufa bħala Direttorati Ġenerali (DĠ), b'kull wieħed responsabbli għal qasam politiku speċifiku.

Ħatra tal-President

Il-kandidat jitressaq mill-mexxejja nazzjonali fil-Kunsill Ewropew, billi jitqiesu r-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Il-president ikun jeħtieġ l-appoġġ tal-maġġoranza tal-membri tal-Parlament Ewropew biex jiġi elett.

Għażla tat-tim

Il-kandidat Presidenzjali jagħżel il-Viċi Presidenti u l-Kummissarji potenzjali abbażi ta' suġġerimenti mill-pajjiżi tal-UE. Il-lista tal-kandidati trid tiġi approvata mill-mexxejja nazzjonali fil-Kunsill Ewropew.

Kull persuna nominata tidher quddiem il-Parlament Ewropew biex tispjega l-viżjoni tagħha u twieġeb il-mistoqsijiet. Imbagħad il-Parlament jivvota dwar jekk jaċċettax lin-nominati bħala tim. Fl-aħħar nett, huma jinħatru mill-Kunsill Ewropew, b’maġġoranza kwalifikata.

Il-mandat tal-Kummissjoni attwali jispiċċa fil-31 ta’ Ottubru 2024.

Kif taħdem il-Kummissjoni?

Ippjanar strateġiku

Il-President jiddefinixxi d-direzzjoni politika għall-Kummissjoni, li tippermetti lill-Kummissarji jiddeċiedu flimkien l-objettivi strateġiċi, u jipproduċu l-programm ta' ħidma annwali.

Teħid ta’ deċiżjonijiet kollettivi

Id-deċiżjonijiet jittieħdu abbażi ta' responsabbiltà kollettiva. Il-Kummissarji kollha huma ugwali fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u għandhom l-istess responsabbiltà għal dawn id-deċiżjonijiet. Huma ma għandhom ebda setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet individwali, ħlief meta jkunu awtorizzati f’ċerti sitwazzjonijiet.

Il-Viċi Presidenti jaġixxu għan-nom tal-President u jikkoordinaw ix-xogħol fil-qasam ta' responsabbiltà tagħhom, flimkien ma’ diversi Kummissarji. Il-proġetti ta' prijorità huma ddefiniti biex jgħinu jiżguraw li l-Kulleġġ jaħdem flimkien b'mod viċin u flessibbli.

Il-Kummissarji jappoġġjaw lill-Viċi Presidenti għas-sottomissjoni ta’ proposti lill-Kulleġġ. B’mod ġenerali, id-deċiżjonijiet jittieħdu b’kunsens, iżda jista' jkun hemm ukoll vot. F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet jittieħdu b’maġġoranza sempliċi, fejn kull Kummissarju għandu vot wieħed.

Id-Direttorat Ġenerali rilevanti (immexxi minn Direttur Ġenerali, li jwieġeb għall-Kummissarju rilevanti) imbagħad jittratta mas-suġġett. Normalment dan is-sir fil-forma ta' abbozz ta' proposti leġiżlattivi.

Dawn imbagħad huma sottomessi mill-ġdid lill-Kummissarji għall-adozzjoni fil-laqgħa tagħhom ta’ kull ġimgħa, isiru uffiċjali, u jintbagħtu lill-Kunsill u l-Parlament għall-istadju li jmiss fil-proċess leġiżlattiv tal-UE.

Il-Kummissjoni Ewropea u int

Agħti input

Jekk tixtieq tagħtina l-opinjonijiet tiegħek dwar il-politiki tal-UE jew tissuġġerixxi tibdil jew politiki ġodda, għandek diversi għażliet:

Ikseb informazzjoni

Il-Kummissjoni tipprovdi wkoll servizzi ta' parir u ta' informazzjoni biex tgħinek bin-negozju, l-istudju, l-affarijiet legali, u biex tiċċaqlaq u taħdem fl-UE.

Ikkuntattjana

Għal mistoqsijiet li għandek dwar ħidmietna:

Aċċess għad-dokumenti

Aċċess għall-informazzjoni

Kalendarju tal-President tal-Kummissjoni

Kalendarju tal-Kummissarji

Aktar Informazzjoni

Min hu min

Materjal awdjoviżiv

Finanzjament

Pubblikazzjonijiet

Librerija tal-Kummissjoni Ewropea u Ċentru tar-Riżorsi Elettroniċi (Find-eR)

Impjiegi

Kuntatt

Isem
European Commission
Sit web
https://ec.europa.eu/info/index_mt
Numru tat-telefown
+32 2 299 11 11
Indirizz postali
Rue de la Loi / Wetstraat 200, 1049 Bruxelles/Brussel, Belgium
Media soċjali