Leonilde ‘Nilde’ Iotti, li ġġieledet mar-reżistenza matul it-Tieni Gwerra Dinjija, saret figura prominenti fil-Partit Komunista Taljan (PCI), għall-ġlieda favur id-drittijiet tan-nisa. Impenjata favur l-idea ta’ Ewropa ġusta u ugwali, Iotti kienet determinata li ġġib magħha l-ġlieda tagħha għas-suffraġju universali fil-livell Ewropew.
Ħajja u żminijiet
Ladarba ntemmet it-Tieni Gwerra Dinjija, Nilde Iotti saret organizzatur ewlieni tal-Unjoni tan-Nisa Taljani ddominata mill-PCI. Bil-kisba tas-suffraġju universali sħiħ għan-nisa fl-1945, Iotti gawdiet appoġġ konsiderevoli fost il-votanti femminili u fl-1946 kienet eletta fl-Assemblea Kostitwenti, fejn kienet responsabbli għall-abbozzar ta’ kostituzzjoni ġdida Repubblikana.
Hija ġġieldet qatigħ favur id-drittijiet tan-nisa tul il-karriera politika tagħha, appoġġjat u għamlet kampanja b’suċċess għall-introduzzjoni tad-divorzju u l-abort fl-Italja, li kienu prijoritajiet importanti għall-moviment tan-nisa.
Viżjoni għall-Ewropa
Iotti saret membru tal-Parlament Ewropew fl-1969. Il-prijorità tagħha bħala MPE kienet li toħloq elezzjonijiet miftuħin għall-Parlament Ewropew li fihom iċ-ċittadini Ewropej jeleġġu r-rappreżentanti tagħhom direttament. Iotti kienet temmen li dan jagħti lill-Parlament mandat sod u l-kredibbiltà biex jaġixxi f’isem il-poplu.
Ix-xogħol ta’ lotti u tal-kollegi tagħha ġie ppremjat fl-1979 meta saru l-ewwel elezzjonijiet diretti għall-Parlament Ewropew. Hija temmet l-assoċjazzjoni ta’ 10 snin tagħha mal-Parlament ftit wara. Kienu għaxar snin li fihom serviet ukoll fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament. Fl-1997 kienet eletta viċi president tal-Kunsill tal-Ewropa, l-organizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li tinkludi 47 stat membru.
Nilde Iotti waqt l-elezzjoni presidenzjali tal-Parlament Ewropew fl-1979.
Pubblikazzjonijiet
Aktar dwar il-ħajja, ix-xogħol u l-kontribut ta’ Nilde Iotti għall-proġett Ewropew.