Deċennju ta’ sfida
Il-kriżi ekonomika globali tolqot sew lill-Ewropa. Fl-2012, l-Unjoni Ewropea tingħata l-Premju Nobel għall-Paċi. L-inkwiet u l-gwerer f’diversi pajjiżi jwasslu biex ħafna nies jaħarbu minn djarhom u jfittxu rifuġju fl-Ewropa. L-UE tiffaċċja l-isfida ta’ kif tieħu ħsiebhom, filwaqt li tissalvagwardja l-benessri tagħhom u tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem tagħhom. It-tibdil fil-klima jinsab fil-quċċata tal-aġenda u l-mexxejja jaqblu li jnaqqsu l-emissjonijiet dannużi. Fl-2013, il-Kroazja ssir it-28 membru tal-UE. Iżda f’referendum fl-2016, ir-Renju Unit jivvota biex joħroġ mill-UE.
2010 – L-Ewropa tindirizza l-kriżi finanzjarja
Wara l-kriżi ekonomika li bdiet fl-2008, diversi pajjiżi jiltaqgħu ma’ problemi bil-finanzi pubbliċi. Is-16-il pajjiż tal-UE li jużaw l-ewro jappoġġjaw pjan biex jgħinuhom jiffaċċjaw id-defiċits tagħhom. L-UE tgħin lil diversi pajjiżi jiffaċċjaw id-diffikultajiet tagħhom u tistabbilixxi Unjoni Bankarja biex tiżgura banek aktar sikuri u affidabbli.
10 ta’ Diċembru 2012 – L-UE tingħata l-Premju Nobel għall-Paċi
F’ċerimonja f’Oslo, l-Unjoni Ewropea tirċievi l-Premju Nobel għall-Paċi. Il-premju jirrikonoxxi l-kontribut tal-UE fuq 6 deċennji għall-promozzjoni tal-paċi, ir-rikonċiljazzjoni, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem.
1 ta’ Lulju 2013 – Il-Kroazja ssir it-28 membru tal-UE
Il-Kroazja tissieħeb fl-UE, u ssir it-28 membru tagħha.
* Din id-deżinjazzjoni hi mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hi konformi mal-UNSCR 1244/99 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
Novembru 2015 ’il quddiem – It-terroristi jattakkaw l-Ewropa
Għadd ta’ bliet Ewropej, fosthom Pariġi, Brussell, Nizza, Berlin, Londra u Barċellona, isiru l-mira ta’ attakki terroristiċi. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jieħdu azzjoni biex jindirizzaw l-aspetti kollha tat-theddida terroristika.
12 ta’ Diċembru 2015 – Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima
Waqt konferenza tan-NU f’Pariġi, 195 pajjiż jikkonkludu ftehim ġdid dwar it-tibdil fil-klima, bl-UE tagħti sehem kruċjali. Dan jinkludi pjan ta’ azzjoni biex it-tisħin globali jiġi limitat għal taħt iż-2°C “sew” meta mqabbel mal-livelli preindustrijali.
Diċembru 2015 – Aktar minn miljun ruħ ifittxu l-ażil fl-Ewropa
Sa tmiem l-2015, fl-Ewropa jaslu aktar minn miljun persuna li jfittxu ażil, ħafna minnhom qed jaħarbu mill-gwerra ċivili fis-Sirja u fi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. Il-mexxejja tal-UE jżidu l-isforzi biex jissaħħu l-kontrolli fil-fruntieri esterni u jnaqqsu l-għadd tal-persuni li jfittxu l-ażil billi jikkooperaw mal-Istati ġirien bħat-Turkija.
23 ta’ Ġunju 2016 – Ir-Renju Unit jivvota biex joħroġ mill-UE
F’referendum li sar f’Ġunju 2016, 52% tal-votanti fir-Renju Unit jivvutaw biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea wara aktar minn 40 sena bħala membru. Ir-Renju Unit joħroġ fil-31 ta’ Jannar 2020.
Diċembru 2019 – Lejn Ewropa newtrali għall-klima
It-tħassib tal-pubbliku dwar il-kriżi klimatika jiżdied, xprunat minn moviment internazzjonali taż-żgħażagħ attiv u li qed jikber Kummissjoni ġdida tieħu l-kariga bl-intenzjonijiet tagħha li l-Ewropa ssir newtrali għall-klima sal-2050 permezz ta’ strateġija ġdida ta’ tkabbir, il-Patt Ekoloġiku Ewropew.