Il-politiku Taljan Alcide De Gasperi mexxa r-rikostruzzjoni ta’ pajjiżu wara t-Tieni Gwerra Dinjija u kellu rwol ewlieni fl-integrazzjoni tal-Ewropa wara l-gwerra.
Ħajja u żminijiet
De Gasperi serva bħala Prim Ministru Taljan bejn l-1945 u l-1953, perjodu li matulu d-demokrazija ġiet ikkonsolidata fl-Italja u meta seħħet ir-rikostruzzjoni ekonomika.
De Gasperi kellu wkoll viżjoni aktar wiesgħa – dik tal-kooperazzjoni internazzjonali bħala bażi għall-paċi. Kien hu li wassal biex l-Italja tissieħeb fil-Pjan Marshall tal-Amerika u ssir parti min-NATO. It-tmexxija tiegħu wasslet biex jiġu żviluppati rabtiet b’saħħithom bejn l-Italja u l-Istati Uniti, impriża mhux żgħira meta wieħed iqis li l-Italja kellha wieħed mill-akbar partiti Komunisti fl-Ewropa tal-Punent f’dak iż-żmien.
Viżjoni għall-Ewropa
Appena ntemmet il-gwerra, De Gasperi kien mexxa kampanja attiva favur l-unità Ewropea għax kien jemmen li din biss setgħet tevita kunflitti oħra fil-futur. Kien motivat minn viżjoni ċara ta’ Ewropa unita li ma tiħux post l-istati individwali, iżda li tippermettilhom jikkumplementaw lil xulxin, jaħdmu flimkien u jagħtu appoġġ lil xulxin.
Finalment, il-ħidma ta’ De Gasperi għenet toħloq il-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar (KEFA), li effettivament neħħiet il-kapaċità li n-nazzjonijiet Ewropej jibdew gwerra kontra xulxin.
Diskors ta’ Alcide De Gasperi fit-12 ta’ Jannar 1951 fi Strasburgu
Diskors ta' Alcide de Gasperi fit-12 ta' Jannar 1951 fi Strasbourg
Jekk nibnu biss amministrazzjonijiet komuni mingħajr ma jkun hemm volontà politika superjuri kkontrollata minn organu ċentrali, fejn il-volontà tan-nazzjonijiet tingħaqad, tiġi ppreċiżati u tieħu ħajja f'sinteżi superjuri, inkunu qed nirriskjaw li din l-attività Ewropea, imqabbla mal-vitalità tan-nazzjonijiet partikolari, tkun bla ħeġġa, bla ħajja ideali. Tista' tidher ukoll, f'ċertu mument, struttura superfluwa u forsi saħansitra oppressiva, bħalma deher l-Imperu Sakru Ruman fil-perjodu fejn is-setgħa tiegħu bdiet tmajna.
Pubblikazzjonijiet
Aktar dwar il-ħajja, ix-xogħol u l-kontribut ta’ Alcide De Gasperi għall-proġett Ewropew.