Lejn taxxi ġusti, effiċjenti u li jiffavorixxu t-tkabbir ekonomiku
L-UE m'għandhiex sehem dirett fil-ġbir tat-taxxi jew fl-issettjar tar-rati tat-taxxi. L-ammont ta’ taxxa li kull ċittadin iħallas u l-mod kif jintefqu l-flus tat-taxxi miġbura jiġu deċiżi mill-gvern nazzjonali tagħhom.
Madankollu l-UE tissorvelja r-regoli nazzjonali dwar it-taxxa f’xi oqsma; b’mod partikolari b’rabta mal-politiki tal-UE dwar in-negozju u l-konsumatur, biex jiġi żgurat:
- il-fluss ħieles ta’ oġġetti, servizzi u kapital madwar l-UE (fis-suq uniku)
- li n-negozji f’pajjiż ma jkollhomx vantaġġ inġust fuq kompetituri f’pajjiż ieħor
- li t-taxxi ma jiddiskriminawx kontra konsumaturi, ħaddiema jew negozjanti minn pajjiżi oħra tal-UE.
- Taqsiriet tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tassazzjoni
Is-suq uniku jippermetti li oġġetti u servizzi jiġu nnegozjati b’mod liberu bejn il-pajjiżi fl-UE. Biex dan isir eħfef għan-negozji – u jiġu evitati distorsjonijiet kompetittivi bejniethom – il-pajjiżi tal-UE qablu li jallinjaw ir-regoli tagħhom tat-taxxa fuq oġġetti u servizzi. Ċerti oqsma jibbenefikaw minn ftehimiet speċifiċi, bħal taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jew taxxi fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku, it-tabakk u l-alkoħol.
L-UE taħdem ukoll mal-pajjiżi tal-UE dwar il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u korporattivi u t-taxxi fuq id-dħul. L-għan hu li tagħmilhom ġusti, effiċjenti u li jiffavorixxu t-tkabbir ekonomiku. Dan hu importanti biex tiġi żgurata ċ-ċarezza dwar it-taxxi mħallsa min-nies li jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE, jew in-negozji li jinvestu lil hinn mill-fruntieri tagħhom. Din il-koordinazzjoni tgħin ukoll biex tipprevjeni l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa.