Mur għall-kontenut ewlieni

Iċ-Ċentru ta’ Kuntatt Europe Direct - il-linja ta’ assistenza telefonika tal-UE għaċ-ċittadini

Tħassritlek it-titjira u trid tkun taf tistax tieħu flusek lura? Kif tista’ ssib xogħol f’pajjiż Ewropew ieħor? Għal liema għotjiet tal-UE tista’ tapplika l-organizzazzjoni tiegħek? Kemm hu ħieles mill-perikli x-xiri online f’pajjiż ieħor tal-UE? Hemm xi regoli tal-UE li jiggarantixxu l-kwalità tal-ikel tiegħek? Għandna t-tweġibiet għall-mistoqsijiet tiegħek!

X’inhu xogħolna

Iċ-Ċentru ta’ Kuntatt Europe Direct huwa l-linja ta’ assistenza telefonika tal-Unjoni Ewropea, għal meta tkun trid issir taf xi ħaġa dwar l-UE. Aħna nwieġbu kwalunkwe mistoqsija li jagħmlilna l-pubbliku dwar l-Unjoni Ewropea, permezz tat-telefown, tal-email, jew taċ-chat. Biex tuża s-servizzi tagħna ma trid tħallas xejn: tista’ ċċemplilna mingħajr ħlas minn fejn trid fl-UE, u tkellimna b’liema waħda trid mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE. U jekk ikollok bżonn informazzjoni prattika għan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna, tista’ tikkomunika magħna wkoll bl-Ukren u bir-Russu. Jekk tixtieq tkun taf aktar dwar is-servizz li noffru, tista’ tagħti daqqa t’għajn lejn il-fatti u ċ-ċifri fir-rapporti annwali tal-attività tagħna

Nistgħu

  • nagħtuk tweġiba minnufih għal mistoqsijiet ġenerali dwar l-UE
  • ngħinuk tikkonsulta l-kontenut fuq l-internet ippubblikat mill-istituzzjonijiet tal-UE
  • nagħtuk id-dettalji biex tkun tista’ tagħmel kuntatt mal-aħjar sorsi għal aktar informazzjoni u pariri
  • nagħtuk informazzjoni li hija fattwalment korretta u aġġornata, skont l-istandards tas-servizz pubbliku. Madankollu, it-tweġibiet tagħna qatt ma jkunu jorbtu legalment.

X’ma nistgħux nagħmlu

Iċ-Ċentru ta’ Kuntatt Europe Direct ma jistax:

  • jirreġistra jew jgħaddi lmenti jew problemi (iżda nistgħu ngħidulek lil min trid tikkuntattja)
  • jagħtik parir legali jew jinterpretalek il-liġijiet tal-UE
  • jittratta kwalunkwe kwistjoni li mhijiex fil-kompetenza tal-UE
  • jgħinek tagħmel pubbliċi l-opinjonijiet politiċi tiegħek dwar kwistjonijiet relatati mal-UE. Madankollu, tista’ taqsam il-fehmiet tiegħek ma’ ħaddieħor fuq il-website Semma’ Leħnek. Barra minn hekk, nistednuk issegwina u tikkummenta fuq il-midja soċjali. Tista’ wkoll issemma’ leħnek billi titkellem mar-rappreżentanti eletti tiegħek fil-livell nazzjonali u f’dak Ewropew.

Kif tagħmel użu miċ-Ċentru ta’ Kuntatt Europe Direct

Biex tuża s-servizzi tagħna ma trid tħallas xejn.

Tista’ ċċemplilna minn fejn trid fl-UE, bla ħlas, fuq +800 6 7 8 9 10 11. F’każijiet rari, xi operaturi telefoniċi ma jippermettux l-aċċess jew jitolbu l-ħlas għalih. Għal din ir-raġuni, tista’ taqbadna wkoll permezz ta’ numri alternattivi f’kull pajjiż.

Tista’ tiktbilna jew iċċemplilna minn fejn trid fid-dinja. Jekk iċċempel minn barra l-UE, jista’ jagħti l-każ li jkunu japplikaw spejjeż addizzjonali. Barra mill-ħinijiet tal-ftuħ tagħna – fil-jiem tax-xogħol mid-9 a.m. sas-6 p.m. Ħin tal-Ewropa Ċentrali (CET) – tista’ tħalli messaġġ jew titlobna nċemplulek lura billi tuża din il-formola.

Tista’ tikkuntattjana wkoll permezz taċ-chat tal-Messenger billi tikteb lil @EuropeanCommission. 

Meta tiktbilna, normalment inweġbuk fi 3 ijiem. Mistoqsijiet aktar kumplessi jistgħu jdumu aktar biex jitwieġbu. Bħala medja, inwieġbu t-telefonati f’temp ta’ 15-il sekonda.

Your Europe

Tista’ ssib aktar tagħrif dwar id-drittijiet tiegħek skont il-liġi tal-UE u, f’xi każijiet, tikseb parir legali dwar kif japplikaw, fuq il-Your Europe.