L-ewro huwa simbolu tanġibbli tal-integrazzjoni Ewropea: aktar minn 350 miljun ruħ jużawh kuljum, b’hekk huwa t-tieni munita l-aktar użata fid-dinja. Kull min jivvjaġġa jew jixtri online minn fuq siti web ibbażati f’pajjiż ieħor tal-UE mill-ewwel jinduna bil-benefiċċji tal-munita unika, peress li huwa faċli li dak li jkun iqabbel il-prezzijiet u jevita spejjeż addizzjonali relatati mal-kambju.
Pajjiżi tal-UE li jużaw l-ewro
Bħalissa l-ewro (€) huwa l-munita uffiċjali ta’ 21 minn 27 pajjiż tal-UE li flimkien jikkostitwixxu dik li uffiċjalment tissejjaħ iż-żona tal-ewro.
Għalkemm il-pajjiżi kollha tal-UE huma parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), huma biss dawk li ssodisfaw kriterji ekonomiċi u legali speċifiċi li ssostitwew il-muniti nazzjonali tagħhom bl-ewro.
Il-pajjiżi li ġejjin għadhom m’adottawx l-ewro, iżda mistennija jadottawh ladarba jkunu ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa.
F’xi każijiet, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jinnegozjaw eżenzjoni minn kwalunkwe leġiżlazzjoni jew trattat tal-Unjoni Ewropea, u jaqblu li ma jipparteċipawx f’ċerti oqsma ta’ politika. Id-Danimarka għamlet hekk għall-munita unika u żammet il-munita tagħha wara li ssieħbet fl-UE.
Kif il-pajjiżi jissieħbu fiż-żona tal-ewro
Sabiex jissieħbu fiż-żona tal-ewro, il-pajjiżi tal-UE meħtieġa jissodisfaw l-hekk imsejħa “kriterji ta’ konverġenza”.
Dwar dawn il-kundizzjonijiet ekonomiċi u legali vinkolanti ntlaħaq qbil fit-Trattat ta’ Maastricht fl-1992. Il-pajjiżi kollha tal-UE, ħlief id-Danimarka, huma meħtieġa jadottaw l-ewro u jissieħbu fiż-żona tal-ewro, meta jkunu lesti biex jissodisfawhom.
M’hemm l-ebda skeda ta’ żmien biex il-pajjiżi tal-UE jissieħbu fiż-żona tal-ewro, b’hekk dawn jistgħu jiżviluppaw l-istrateġiji tagħhom biex jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-ewro.
B’mod konġunt, il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew jiddeċiedu jekk il-pajjiżi kandidati għas-sħubija fiż-żona tal-ewro jkunux issodisfaw il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-ewro.
Wara li jivvalutaw il-progress li jkun sar fir-rigward tal-kriterji ta’ konverġenza, iż-żewġ korpi jippubblikaw il-konklużjonijiet tagħhom.
Il-Kunsill ECOFIN jirratifika l-adeżjoni ta’ pajjiż ġdid wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill Ewropew.
Jekk il-konklużjoni tkun favorevoli, il-proċess tal-adozzjoni jkun jista’ jibda.