Prinċipji gwida
It-Trattati
It-Trattati fundaturi tal-Unjoni Ewropea flimkien jirfdu l-prinċipju li l-proċeduri elettorali u l-proċessi tal-għażla tat-tmexxija għall-istituzzjonijiet ewlenin tal-UE għandhom jitwettqu b’mod trasparenti u demokratiku.
It-Trattati tal-UE – it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea - jipprovdu l-qafas operazzjonali wiesa’ għall-istituzzjonijiet ewlenin tal-UE u jindikaw li d-demokrazija rappreżentattiva ser tkun il-forma ta’ gvern li fuqu hija bbażata l-UE.
It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jagħmilha ċara li:
- fil-livell tal-Unjoni, iċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew
- il-pajjiżi tal-UE huma rappreżentati b’żewġ modi:
- fil-Kunsill Ewropew mill-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tagħhom
- fil-Kunsill tal-UE permezz tal-gvernijiet tagħhom (“li jkunu demokratikament responsabbli kemm lejn il-Parlamenti nazzjonali tagħhom, kif ukoll lejn iċ-ċittadini tagħhom”)
It-Trattat ta’ Liżbona (2007) introduċa diversi emendi notevoli – inkluż, pereżempju, il-ħolqien ta’ President permanenti u full-time għall-Kunsill Ewropew, u t-tisħiħ tar-rwol u s-setgħat tal-Parlament Ewropew.
Ir-Rappreżentanza
Iċ-ċittadini tal-UE huma ċentrali għall-proċess demokratiku tal-UE u kollha kemm huma għandhom id-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej.
Bl-istess mod li jsemmgħu leħinhom f’pajjiżhom stess billi jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali, huma jinfluwenzaw ukoll direttament jew indirettament l-elezzjonijiet u l-ħatriet Ewropej.
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-UE huma magħmulin, rispettivament, minn rappreżentanti eletti u membri ta’ gvernijiet minn kull pajjiż tal-UE.
U l-UE fil-biċċa l-kbira tirreplika l-proċessi ta’ kontroll parlamentari tas-27 demokrazija membri tagħha fis-sistema demokratika tal-gvern tagħha stess. Pereżempju, il-Kummissjoni Ewropea teħtieġ il-fiduċja espressa tal-Parlament Ewropew biex formalment tieħu l-kariga fil-bidu tal-mandat tagħha.
L-Amministrazzjoni
Bħall-gvernijiet mad-dinja kollha, l-eżekuttiv tal-UE huwa appoġġjat fil-kompiti tiegħu minn servizz ċivili, li d-dħul għalih huwa miftuħ għaċ-ċittadini kollha tal-UE permezz ta’ kompetizzjonijiet ta’ reklutaġġ li jitmexxew mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal.
L-istituzzjonijiet tal-UE
L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom proċeduri ta’ selezzjoni differenti għat-tmexxija tagħhom.
Il-Parlament Ewropew
Kompożizzjoni: bħalissa 720 Membu tal-Parlament Ewropew (MEPs), li vvutaw direttament għalihom iċ-ċittadini tal-UE, fil-biċċa l-kbira skont il-liġijiet u t-tradizzjonijiet elettorali nazzjonali f’kull pajjiż tal-UE.
L-MEPs jistgħu jingħaqdu ma’ gruppi politiċi fi ħdan il-Parlament, abbażi tal-affinitajiet politiċi tagħhom. Dawk li mhumiex, jitqiesu bħala MEPs “mhux affiljati”.
Iċ-ċittadini tal-UE jeleġġu Parlament Ewropew ġdid kull 5 snin. L-aħħar elezzjonijiet Ewropej saru bejn fis-6-9 ta’ Ġunju 2024.
Funzjoni: bħala l-“koleġiżlatur”, huwa jiddeċiedi dwar leġiżlazzjoni ġdida proposta mill-Kummissjoni Ewropea – dwar il-biċċa l-kbira tal-kwistjonijiet fuq l-istess livell tal-Kunsill tal-UE. Jivvota wkoll dwar ftehimiet kummerċjali ġodda u jiskrutinizza l-istituzzjonijiet tal-UE u kif jintefaq il-baġit tal-UE. Appoġġjat mill-amministrazzjoni tiegħu stess magħmula minn impjegati taċ-ċivil.
Setgħat tal-ħatra
- Jivvota għall-President tiegħu stess
- kariga okkupata għal perjodu ta' sentejn u nofs, li jista’ jiġġedded darba
- nominat mill-gruppi politiċi jew minn minimu ta’ 38 MEPs
- elezzjoni b’votazzjoni sigrieta
- massimu ta’ 4 votazzjonijiet
- il-kandidat irid jirbaħ maġġoranza assoluta tal-voti mitfugħa, jiġifieri 50% u wieħed.
- Jeleġġi l-Viċi Presidenti, il-kwesturi, il-presidenti u l-viċi presidenti tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet tiegħu stess
- Jeleġġi l-President tal-Kummissjoni Ewropea
- Il-Parlament irid japprova l-President il-ġdid tal-Kummissjoni, propost mill-Kunsill Ewropew, b’maġġoranza assoluta (nofs l-MEPs kollha, u wieħed).
- Jeżamina l-Kummissarji
- kull Kummissarju nnominat (propost mill-Kunsill, bi qbil mal-President elett tal-Kummissjoni Ewropea) irid jidher quddiem il-kumitati parlamentari fl-oqsma ta’ responsabbiltà prospettivi tagħhom
- evalwazzjonijiet negattivi jistgħu jirriżultaw fl-irtirar ta’ kandidat mill-proċess. Kandidat ġdid għall-Kummissarju għandu mbagħad jitressaq għall-iskrutinju.
- Japprova lill-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissarji, il-President u r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà)
- permezz ta’ votazzjoni unika ta’ approvazzjoni (imbagħad jinħatru uffiċjalment mill-Kunsill Ewropew)
- Għandu setgħat superviżorji u ta’ kontroll fuq l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, u jżommhom responsabbli. Pereżempju, jista’ jadotta vot ta’ nuqqas ta’ fiduċja biex jiċċensura u finalment iwarrab lill-Kummissjoni.
Kif jimtlew il-karigi ewlenin fil-Parlament
Kif jiġu ffurmati l-gruppi politiċi fil-Parlament
Infografika: kif jiġi elett il-President tal-Parlament Ewropew
Il-Kunsill Ewropew
Kompożizzjoni: il-kapijiet tal-istat jew tal-gvern tal-pajjiżi tal-UE, il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni Ewropea. Appoġġjat mill-amministrazzjoni tiegħu stess magħmula minn impjegati taċ-ċivil.
Funzjoni: jiddefinixxi l-prijoritajiet u d-direzzjonijiet politiċi ġenerali tal-UE.
Is-setgħat tal-ħatra
- Jeleġġi l-President tiegħu stess
- b’maġġoranza kkwalifikata fil-Kunsill Ewropew
- kariga okkupata għal perjodu ta' sentejn u nofs, li jista’ jiġġedded darba
- Jipproponi kandidat għall-President tal-Kummissjoni Ewropea
- b’maġġoranza kkwalifikata fil-Kunsill Ewropew
- kariga okkupata għal mandat ta’ 5 snin li jista’ jiġġedded
- il-kandidat propost mill-Kunsill Ewropew irid jiġi approvat b’maġġoranza fil-Parlament Ewropew
- jekk il-Parlament ma japprovax il-kandidat, il-Kunsill Ewropew irid jipproponi kandidat ieħor. Il-kandidat il-ġdid irid jiġi approvat ukoll b’maġġoranza fil-Parlament Ewropew
- Jaħtar ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (responsabbli għall-affarijiet barranin tal-UE (“azzjoni esterna”) u wkoll Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea)
- b’maġġoranza kkwalifikata, bil-qbil tal-President tal-Kummissjoni
- għal terminu ta’ 5 snin
- Jaħtar lill-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissarji u l-President, u r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà)
- b’maġġoranza kkwalifikata (wara li jkunu ġew approvati mill-Parlament Ewropew)
- Jaħtar il-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)
- il-bord huwa magħmul minn 6 membri: President tal-BĊE, Viċi President + 4 membri oħra
- ħatra magħmula wara rakkomandazzjoni mill-Kunsill lill-Kunsill Ewropew, milħuqa wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill Governattiv tal-BĊE
- ħatra approvata b’maġġoranza kkwalifikata fil-Kunsill Ewropew
Ir-rwol tal-President tal-Kunsill Ewropew
Ir-rwol tal-Kunsill fil-ħatriet tat-tmexxija
Infografika – Elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea
Infografika – Ħatra tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE
Prijoritajiet tal-UE 2024-2029
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Kompożizzjoni: laqgħat perjodiċi tal-ministri tal-gvern minn kull pajjiż tal-UE, skont il-qasam ta’ politika li jkun qed jiġi diskuss. Pereżempju, meta l-politiki agrikoli jkunu fuq l-aġenda, il-ministru tal-agrikoltura ta’ kull pajjiż jattendi l-laqgħat.
Appoġġjat mill-amministrazzjoni tal-Kunsill, magħmul minn impjegati taċ-ċivil.
Funzjoni: il-ministri jesprimu l-fehmiet tal-gvernijiet membri tal-UE u jiltaqgħu biex jinnegozjaw u jadottaw il-liġijiet tal-UE u jikkoordinaw il-politiki tal-UE.
Tmexxija
Il-Kunsill tal-UE m’għandux president individwali. Minflok, huwa ppresedut minn “presidenza”, li tinbidel fost il-pajjiżi tal-UE kull 6 xhur.
L-unika eċċezzjoni hija l-qasam tal-affarijiet barranin u l-politika ta’ sigurtà – dan huwa mmexxi minn uffiċjal permanenti, ir-Rappreżentant Għoli, appoġġjat mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).
Konfigurazzjonijiet
Il-Kunsill tal-UE huwa entità legali waħda, iżda jiltaqa’ f’10 “konfigurazzjonijiet” differenti, skont is-suġġett li jkun qed jiġi diskuss. Il-presidenza tippresiedi l-laqgħat li jsiru f’kull livell fil-Kunsill tal-UE. Ir-rwol tiegħu huwa li jiżgura l-kontinwità tal-ħidma tal-UE f’dan il-forum.
Il-pajjiż tal-UE li jkollu l-presidenza jaħdem mill-qrib maż-2 pajjiżi li se jiġu warajh fil-presidenza. Dawn il-gruppi ta’ 3, magħrufa bħala “trios”, ifasslu aġenda komuni li se tkopri l-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu indirizzati mill-Kunsill tal-UE fuq perjodu ta’ 18-il xahar. Abbażi tal-aġenda maqbula, kull pajjiż jiddetermina l-programm ta’ ħidma tiegħu stess, aktar dettaljat, ta’ 6 xhur, biex jimplimenta meta jassumi l-presidenza.
Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huma appoġġjati mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
It-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Kunsill tal-UE
Aktar dwar il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE
Presidenza attwali tal-Kunsill tal-UE
Il-Kummissjoni Ewropea
Kompożizzjoni: It-tmexxija politika hi pprovduta minn tim ta' 27 membru (wieħed minn kull pajjiż tal-UE) inkluż il-President tal-Kummissjoni, li jiddeċiedi min hu responsabbli għal liema qasam politiku. Huma appoġġjati minn servizz ċivili.
Funzjoni: korp eżekuttiv politikament indipendenti li jipproponi liġijiet ġodda, jimmaniġġja l-politiki tal-UE skont is-setgħat definiti fit-trattati, jimplimenta l-baġit tal-UE u jinforza l-liġi tal-UE.
Tmexxija
Il-Kummissjoni Ewropea titmexxa mill-President tagħha u mis-26 Kummissarju, wieħed għal kull pajjiż.
Il-President
Il-President tal-Kummissjoni jiġi elett għal mandat ta’ 5 snin mill-Parlament Ewropew, wara l-elezzjonijiet Ewropej.
Il-Kunsill Ewropew (kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-UE) jipproponi kandidat presidenzjali lill-Parlament. Minħabba li l-għażla tal-kandidat trid tqis ir-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej, il-kandidat propost ġeneralment jiġi mill-akbar grupp politiku fil-Parlament.
Il-Parlament irid japprova l-President il-ġdid tal-Kummissjoni b’maġġoranza assoluta (nofs il-Membri tal-MEPs kollha, u wieħed). Ladarba jiġi approvat, il-Kunsill Ewropew jaħtar uffiċjalment lill-President il-ġdid.
Jekk il-kandidat jonqos milli jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew irid jipproponi kandidat ġdid fi żmien xahar.
Il-Kummissarji
Il-President elett jalloka portafolli ta’ politika lill-Kummissarji kandidati, wieħed minn kull pajjiż tal-UE.
Il-Kummissarji jwettqu dmirijiethom għall-Kummissjoni indipendentement mill-gvernijiet nazzjonali tal-pajjiżi minn fejn ikunu ġejjin.
Il-Kummissarji nnominati għandhom imbagħad jidhru quddiem il-kumitat parlamentari responsabbli għall-portafoll tagħhom, li għandu jiġi evalwat fuq kemm huma adatti għall-pożizzjoni.
Hekk kif is-26 Kummissarju nnominati kollha jkunu ġew approvati (il-Kummissarji nnominati jistgħu jirtiraw jekk ma jirċevux evalwazzjoni pożittiva), huma, flimkien mal-President elett u r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, iridu jiġu approvati f’votazzjoni unika ta’ approvazzjoni mill-Parlament Ewropew.
Il-Kunsill Ewropew jaħtar formalment lill-Kummissarji kollha għall-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata.
Il-proċess tal-ħatra tat-tmexxija tal-Kummissjoni Ewropea
Kif il-Parlament jivvota għall-Kummissjoni Ewropea fil-kariga
Infografika - Elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea
It-Tmexxija tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
Kompożizzjoni: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hi magħmula minn 2 qrati:
- Il-Qorti tal-Ġustizzja – tittratta talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mill-qrati nazzjonali, ċerti azzjonijiet għal annullament, proċedimenti ta’ ksur imressqa kontra pajjiżi tal-UE talli naqsu milli jaderixxu mal-liġi tal-UE, u appelli.
- Il-Qorti Ġenerali – tittratta azzjonijiet għall-annullament imressqa minn individwi, kumpaniji u, f'xi każijiet, mill-gvernijiet tal-UE. Fil-prattika, hija topera bħala l-qorti amministrattiva ġenerali tal-UE u tittratta ħafna oqsma differenti tal-liġi tal-UE, inkluż il-liġi tal-kompetizzjoni, l-għajnuna mill-Istat (appoġġ mill-gvern), il-kummerċ, l-agrikoltura, il-proprjetà intellettwali u l-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill kontra individwi u pajjiżi mhux tal-UE.
Funzjoni: tinterpreta l-liġi tal-UE biex tiżgura li tiġi applikata bl-istess mod fil-pajjiżi kollha tal-UE. Tirrisolvi wkoll tilwimiet legali bejn il-gvernijiet tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE. F’ċerti ċirkostanzi tista’ tintuża wkoll minn individwi, kumpaniji jew organizzazzjonijiet biex iressqu kawżi quddiem il-Qorti jekk iħossu li d-drittijiet tagħhom ġew miksura minn xi istituzzjoni tal-UE.
Membri: Kull imħallef u avukat ġenerali jinħatar għal mandat ta’ 6 snin li jista’ jiġġedded, bi qbil komuni tal-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE, wara konsultazzjoni ma’ bord ta’ avukati rispettati li jagħtu opinjoni dwar l-adegwatezza tal-kandidati prospettivi. F’kull Qorti, l-imħallfin jagħżlu president minn fosthom, li jservi mandat ta’ 3 snin li jista’ jiġġedded.
- Qorti tal-Ġustizzja – imħallef 1 minn kull pajjiż tal-UE, flimkien ma’ 11-il avukat ġenerali, li jassistu lill-Qorti billi jippreżentaw, b’imparzjalità u indipendenza sħiħa, “opinjoni” fil-każijiet assenjati lilhom
- Il-Qorti Ġenerali – 2 imħallfin minn kull pajjiż tal-UE
Il-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew
Magħmul mill-President u l-Viċi President tal-Bank u mill-4 membri l-oħra, il-Bord jinħatar mill-Kunsill Ewropew b’votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata.
Il-Kunsill jieħu din id-deċiżjoni wara rakkomandazzjoni tal-Kunsill u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Governattiv tal-Bank (is-6 membri tal-Bord Eżekuttiv, flimkien mal-gvernaturi tal-banek ċentrali mid-19-il pajjiżi taż-żona tal-euro).
Infografika – Ħatra tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Din hija istituzzjoni tal-UE li topera bħala korp kolleġġjali ta’ 27 membru, wieħed minn kull pajjiż tal-UE. Il-membri jiġu nnominati mill-gvern nazzjonali tagħhom u jinħatru (għal mandat ta’ 6 snin li jista’ jiġġedded) mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.
Il-membri huma meħtieġa jwettqu dmirijiethom indipendentement mill-interessi nazzjonali jew interessi oħra, li jirrappreżentaw l-interess ġenerali tal-UE. Il-Qorti tal-Awdituri titmexxa minn president, li jiġi elett għal mandat ta’ 3 snin li jista’ jiġġedded mill-membri minn fosthom.
Ħatriet oħra
Bħal fil-każ tal-istituzzjonijiet tal-UE, ħatriet ta’ livell għoli (eż. Diretturi, Presidenti) f’korpi oħra tal-UE jiġu rregolati minn regoli speċifiċi u dettaljati, li għandhom il-bażi tagħhom fit-trattati tal-UE. Uħud minn dawn ir-regoli huma applikabbli għall-korpi kollha tal-UE, filwaqt li oħrajn huma rekwiżiti interni għal istituzzjonijiet speċifiċi.
Normalment id-diretturi eżekuttivi tal-aġenziji deċentralizzati tal-UE jinħatru mill-bord maniġerjali tal-aġenzija konċernata, abbażi ta’ lista mfassla mill-Kummissjoni wara proċedura ta' selezzjoni miftuħa. Kultant l-awtorità tal-ħatra tkun il-Kummissjoni jew il-Kunsill tal-UE. F’xi każijiet, il-kandidat magħżul irid jgħaddi minn smigħ mill-Parlament Ewropew qabel ma jinħatar formalment.