Stabbiliment u post
L-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea hija unika u s-sistema tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha qed tevolvi kontinwament. Is-7 istituzzjonijiet Ewropej, is-9 korpi tal-UE u aktar minn 30 aġenzija deċentralizzata huma mifruxa fl-UE kollha. Huma jaħdmu flimkien biex jindirizzaw l-interessi komuni tal-UE u tan-nies Ewropej.
F’termini ta’ amministrazzjoni, hemm 20 aġenzija u organizzazzjoni oħra tal-UE li jwettqu funzjonijiet legali speċifiċi u 4 servizzi interistituzzjonali li jappoġġjaw l-istituzzjonijiet.
Dawn l-istabbilimenti kollha għandhom rwoli speċifiċi – mill-iżvilupp tal-liġijiet tal-UE u t-tfassil tal-politika sal-implimentazzjoni tal-politiki u l-ħidma fuq oqsma speċjalizzati, bħas-saħħa, il-mediċina, it-trasport u l-ambjent.
Hemm 4 istituzzjonijiet prinċipali tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jmexxu l-amministrazzjoni tal-UE. Dawn l-istituzzjonijiet kollettivament jipprovdu lill-UE b’direzzjoni politika u għandhom rwoli differenti fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet:
- il-Parlament Ewropew (Brussell/Strasburgu/il-Lussemburgu)
- il-Kunsill Ewropew (Brussell)
- il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (Brussell/il-Lussemburgu)
- il-Kummissjoni Ewropea ( Brussell/il-Lussemburgu/Rappreżentanzi fl-UE kollha)
Xogħolhom huwa kkumplementat minn istituzzjonijiet u korpi oħra, li jinkludu:
- il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Lussemburgu)
- il-Bank Ċentrali Ewropew (Frankfurt)
- il-Qorti tal-Awdituri (il-Lussemburgu)
L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE jikkooperaw b’mod estensiv man-network tal-aġenziji u l-organizzazzjonijiet tal-UE mal-Unjoni Ewropea kollha. Il-funzjoni primarja ta’ dawn il-korpi u l-aġenziji hija li jsarrfu l-politiki f’realtajiet fil-post.
Madwar 60,000 impjegat taċ-ċivil tal-UE u staff ieħor jaqdu lill-450 miljun Ewropew (u għadd kbir ta’ oħrajn madwar id-dinja). Dan huwa fil-fatt numru relattivament żgħir - il-Ministeru tal-Finanzi Franċiż għandu madwar 140,000 membru tal-istaff għal popolazzjoni ta’ 67 miljun ruħ biss.
Istituzzjonijiet
Is-setgħat, ir-responsabbiltajiet u l-proċeduri tal-istituzzjonijiet tal-UE huma stabbiliti fit-trattati fundaturi tal-UE: it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1957) u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (1992). Aktar reċentement, it-Trattat ta’ Lisbona ( 2007) introduċa ċerti emendi u żidiet fil-kompetenzi tagħhom.
L-4 istituzzjonijiet prinċipali tal-UE, bil-funzjonijiet distinti tagħhom, jaħdmu flimkien mill-qrib biex jistabbilixxu l-aġenda tal-UE u jagħtu bidu u jikkoordinaw it-tfassil tal-liġijiet tal-UE.
B’mod ġenerali, il-Kunsill Ewropew ma jagħmilx liġijiet. Madankollu, hu jista’ jaqbel dwar bidliet fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Ir-rwol ewlieni tiegħu huwa li jiddetermina d-direzzjoni politika tal-UE. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea jipproduċu l-politiki u l-liġijiet li japplikaw fl-UE kollha. Il-proċess li jsegwu jissejjaħ il-Proċedura Leġiżlattiva Ordinarja.
Fil-prinċipju, il-Kummissjoni tipproponi liġijiet ġodda, u l-Parlament u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jadottawhom. Il-pajjiżi membri mbagħad jimplimentawhom, u l-Kummissjoni tiżgura li l-liġijiet jiġu applikati kif suppost.
Il-Parlament Ewropew jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-UE u jiġi elett direttament minnhom. Huwa jieħu deċiżjonijiet dwar il-liġijiet Ewropej b’mod konġunt mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Japprova wkoll il-baġit tal-UE. Hu jmexxi network ta’ uffiċċji ta’ kollegament fl-ibliet kapitali tal-UE, Londra, Edinburgh u Washington D.C.
Il-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-pajjiżi tal-UE jiltaqgħu, bħala l-Kunsill Ewropew, biex jiddefinixxu d-direzzjoni politika ġenerali u l-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill Ewropew huwa ppresedut minn president li jiġi elett għal mandat ta’ sentejn u nofs, li jista’ jiġġedded darba. Ma jadottax liġijiet ħlief għal emendi possibbli tat-Trattat tal-UE.
Jirrappreżenta l-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE. Il-Kunsill tal-UE huwa fejn il-ministri nazzjonali minn kull gvern tal-UE jiltaqgħu biex jadottaw il-liġijiet u jikkoordinaw il-politiki. Il-Ministri jiltaqgħu f’konfigurazzjonijiet differenti skont is-suġġett li għandu jiġi diskuss. Il-Kunsill tal-UE jieħu deċiżjonijiet dwar il-liġijiet Ewropej b’mod konġunt mal-Parlament Ewropew.
Il-Kummissjoni Ewropea tirrappreżenta l-interessi komuni tal-UE u hija l-korp eżekuttiv ewlieni tal-UE. Hija tuża d-“dritt ta’ inizjattiva” tagħha biex tressaq proposti għal liġijiet ġodda, li jiġu skrutinizzati u adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Timmaniġġja wkoll il-politiki tal-UE (ħlief għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni li titmexxa mir-Rappreżentant Għoli għall-PESK, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea), u l-baġit tal-UE u tiżgura li l-pajjiżi japplikaw il-liġi tal-UE b’mod korrett. L-uffiċċji ta’ rappreżentanza jaġixxu bħala l-vuċi tal-Kummissjoni fl-UE kollha. Huma jimmonitorjaw u janalizzaw l-opinjoni pubblika fil-pajjiż ospitanti tagħhom, jipprovdu informazzjoni dwar il-politiki tal-UE u l-mod kif taħdem l-UE, u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tal-Kummissjoni mal-pajjiż membru ospitanti.
Il-ħidma ta’ dawn l-4 istituzzjonijiet prinċipali tal-UE, li tkopri l-kompiti leġiżlattivi u eżekuttivi tal-UE, hija kkomplementata mill-ħidma ta’ 3 istituzzjonijiet oħra tal-UE: il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Dawn it-3 istituzzjonijiet huma responsabbli għall-ġestjoni tal-aspetti tal-awditjar ġudizzjarju, finanzjarju u estern tal-Unjoni Ewropea.
Il-Qorti tiżgura li l-liġi tal-UE tiġi segwita, u li t-Trattati jiġu interpretati u applikati b’mod korrett: hi tirrevedi l-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-UE, tiżgura li l-pajjiżi tal-UE jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont it-Trattati, u tinterpreta l-liġi tal-UE fuq talba tal-qrati nazzjonali.
Il-BĊE u s-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali huma responsabbli biex iżommu l-prezzijiet stabbli fiż-żona tal-euro. Huma responsabbli wkoll għall-politika monetarja u tar-rata tal-kambju fiż-żona tal-euro u jappoġġjaw il-politiki ekonomiċi tal-UE.
Il-QEA tikkontribwixxi għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE, u tippromwovi l-obbligu ta’ rendikont u trasparenza, u taġixxi bħala l-gwardjan indipendenti tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE. Hija tivverifika li l-fondi tal-UE jiġu kontabilizzati b’mod korrett, li jinġabru u jintefqu skont ir-regoli u r-regolamenti rilevanti, u li dawn iwasslu valur għall-flus.
Korpi
Minbarra l-istituzzjonijiet, hemm għadd ta’ korpi li għandhom rwoli speċjalizzati biex jgħinu lill-UE twettaq il-kompiti tagħha. Xi korpi għandhom il-kompitu li jagħtu pariri lill-istituzzjonijiet (il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni); oħrajn jiżguraw li l-istituzzjonijiet jikkonformaw mar-regoli u l-proċeduri tal-UE (l-Ombudsman Ewropew, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data). Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna huwa korp tal-politika esterna li jappoġġja lill-UE fi kwistjonijiet tal-affarijiet barranin.
Is-SEAE huwa s-servizz diplomatiku tal-Unjoni Ewropea. Huwa jgħin lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea jimplimenta l-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE, u jiżgura l-konsistenza u l-koordinazzjoni tal-azzjoni esterna tal-UE. Għandu network ta’ Delegazzjonijiet tal-UE fid-dinja kollha.
Il-KESE jirrappreżenta varjetà ta’ partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili mill-Ewropa kollha, inklużi l-impjegaturi, il-ħaddiema u r-rappreżentanti minn organizzazzjonijiet soċjali, okkupazzjonali, ekonomiċi u kulturali oħra. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea jikkonsultaw lill-KESE meta jieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ politika li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu.
Il-KtR jirrappreżenta lill-awtoritajiet reġjonali u lokali. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea jikkonsultaw lill-KtR dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza għall-awtoritajiet lokali u reġjonali.
Il-BEI huwa l-fergħa tas-self tal-Unjoni Ewropea. Huwa jiffoka l-attivitajiet tiegħu fuq il-klima u l-ambjent, l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-ħiliet, in-negozji żgħar u ta’ daqs medju, l-infrastruttura u l-koeżjoni.
L-Ombudsman Ewropew huwa korp indipendenti u imparzjali li jżomm lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE responsabbli u jippromwovi amministrazzjoni tajba. L-Ombudsman jgħin lin-nies, lin-negozji u lill-organizzazzjonijiet li jiffaċċjaw problemi mal-UE billi jinvestiga lmenti dwar amministrazzjoni ħażina, kif ukoll billi jeżamina b’mod proattiv kwistjonijiet sistemiċi usa’.
L-EDPS jiżgura li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE jirrispettaw id-dritt għall-privatezza tan-nies meta jkunu qed jipproċessaw id-data personali tagħhom.
L-EDPB huwa korp indipendenti li jiżgura l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-protezzjoni tad-data fl-UE kollha, u jippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data fl-UE.
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) huwa uffiċċju tal-prosekuzzjoni pubblika indipendenti tal-Unjoni Ewropea. Huwa responsabbli għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq quddiem il-ġustizzja ta’ reati kontra l-interessi finanzjarji tal-UE.
Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà (ECCC, European Cybersecurity Competence Centre), flimkien man-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni, jappoġġa l-innovazzjoni u l-politika industrijali fiċ-ċibersigurtà. Jiżviluppa u jimplimenta wkoll mal-pajjiżi tal-UE l-iżviluppi teknoloġiċi f’oqsma ta’ interess pubbliku u fin-negozji. Il-ħidma tal-ECCC issaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-UE u tikkontribwixxi biex tiżdied il-kompetittività globali tal-industrija taċ-ċibersigurtà tal-UE.
Servizzi interistituzzjonali
L-istituzzjonijiet tal-UE ħolqu 4 servizzi interistituzzjonali biex iservu u jappoġġjaw il-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll l-aġenziji u l-korpi tagħha. Kull wieħed minnhom għandu kompetenzi speċifiċi, li jkopru r-rekwiżiti essenzjali tal-istituzzjonijiet tal-UE, bħar-reklutaġġ, it-tagħlim u l-iżvilupp tal-istaff, l-IT u l-pubblikazzjoni. L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet ġie stabbilit fl-1969, filwaqt li l-uffiċċji l-oħra twaqqfu aktar reċentement – l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal fl-2003, l-Iskola Ewropea tal-Amministrazzjoni fl-2005 u l-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters fl-2012.
Is-CERT-EU tgħin fil-ġestjoni tat-theddid għas-sistemi tal-kompjuters tal-istituzzjonijiet tal-UE – billi tassisti lit-timijiet tas-sigurtà tal-IT f'kull istituzzjoni tal-UE u billi tikkoordina mal-kontrapartijiet tas-CERT fis-settur pubbliku fil-pajjiżi tal-UE.
L-Iskola Ewropea tal-Amministrazzjoni tipprovdi taħriġ f’oqsma speċifiċi għall-istaff tal-UE u taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mad-dipartimenti tat-taħriġ tal-istituzzjonijiet kollha biex tevita kwalunkwe duplikazzjoni tal-isforzi.
L-EPSO huwa l-uffiċċju ta' selezzjoni tal-UE. Huwa jorganizza kompetizzjonijiet għar-reklutaġġ ta’ kandidati biex jaħdmu għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE.
L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huwa l-fornitur uffiċjali tas-servizzi ta’ pubblikazzjoni għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE. Bħala tali, huwa l-punt ċentrali ta’ aċċess għal-liġi tal-UE, il-pubblikazzjonijiet, id-data miftuħa, ir-riżultati tar-riċerka, l-avviżi tal-akkwist u informazzjoni uffiċjali oħra.
Aġenziji deċentralizzati
Bħalissa hemm aktar minn 30 aġenzija deċentralizzata. Huma għandhom il-personalità ġuridika tagħhom, ġew stabbiliti għal żmien indeterminat u huma distinti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
L-aġenziji deċentralizzati jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE. Huma jappoġġjaw ukoll il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-gvernijiet nazzjonali f'oqsma ta' politika importanti, billi jiġbru għarfien espert tekniku u speċjalizzat kemm mill-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali.
L-aġenziji deċentralizzati huma mifruxa fl-Ewropa kollha u jaħdmu fuq kwistjonijiet li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum ta’ kważi 450 miljun persuna li jgħixu fl-UE. Eżempji jinkludu l-ikel, il-mediċina, il-ġustizzja, is-sikurezza tat-trasport, id-dipendenza fuq id-droga u l-ambjent.
Pereżempju:
L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini hija aġenzija deċentralizzata, li tinsab f’Amsterdam. Hija ġiet stabbilita fl-1995 u taħdem biex tiżgura l-effikaċja u s-sikurezza tal-mediċini għall-bniedem u veterinarji madwar l-Ewropa. Tippromwovi wkoll ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-iżvilupp tal-mediċini. Hija kkontribwixxiet b’mod sinifikanti għall-iżvilupp ta’ mediċini għat-tfal, rimedji għal mard rari, terapiji avvanzati, u mediċini erbali u veterinarji. Għandha wkoll rwol x’taqdi fl-indirizzar ta’ sfidi tas-saħħa pubblika bħall-AIDS, il-kanċer, l-Alzheimer’s, u d-dijabete.
Ara l-aġenziji deċentralizzati kollha
Ara x-xogħol tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini fuq il-mard virali
Il-Politika estera u ta’ sigurtà komuni
L-UE waqqfet 3 aġenziji biex iwettqu kompiti tekniċi, xjentifiċi u ta’ ġestjoni definiti b’mod ċar ħafna. Il-missjoni ġenerali tat-3 aġenziji hija li tgħin lill-UE u lill-pajjiżi membri tagħha jimplimentaw il-politika estera u ta’ sigurtà komuni, inkluża l-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni, u aspetti oħra tal-azzjoni esterna tal-UE.
L-Aġenzija għad-Difiża tappoġġja l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża u l-kooperazzjoni militari bejn il-pajjiżi tal-UE. Hija tistimula r-riċerka u t-teknoloġija fil-qasam tad-difiża, issaħħaħ l-industrija Ewropea tad-difiża u taġixxi bħala interface militari fil-politiki tal-UE.
L-Istitut jipprovdi analiżijiet tal-kwistjonijiet tal-politika barranija ta’ sigurtà u difiża. Huwa jipprovdi analiżi, jorganizza fora ta’ diskussjoni biex jgħin fil-formulazzjoni tal-politika tal-UE, u jikkontribwixxi għal dibattiti dwar l-istrateġija tas-sigurtà fl-Ewropa u barra minnha.
Iċ-Ċentru Satellitari jipprovdi prodotti u servizzi ta’ intelligenza ġeospazjali, primarjament billi janalizza data minn satelliti ta’ osservazzjoni tad-Dinja. Huwa jipprovdi lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet bi twissijiet bikrija ta’ kriżijiet potenzjali biex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri diplomatiċi, ekonomiċi u umanitarji fi żmien xieraq.
Aġenziji Eżekuttivi
Il-Kummissjoni Ewropea waqqfet 6 aġenziji eżekuttivi għal perjodu limitat ta’ żmien biex jimmaniġġjaw kompiti speċifiċi assoċjati mal-programmi tal-UE. Dawn l-aġenziji eżekuttivi, li huma entitajiet legali, jaħdmu fuq inizjattivi tal-Kummissjoni li jvarjaw mis-saħħa u l-edukazzjoni għall-innovazzjoni u r-riċerka.
Pereżempju:
Il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u għall-SMEs (EISMEA) biex tiżviluppa u timplimenta l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni li jidentifika u jappoġġja teknoloġiji u innovazzjonijiet rivoluzzjonarji. L-Aġenzija hija responsabbli wkoll għall-ġestjoni tal-programmi tal-UE fl-appoġġ għall-SMEs, l-ekosistemi tal-innovazzjoni, is-suq uniku, il-politika tal-konsumatur u l-investimenti interreġjonali fl-innovazzjoni. Hija tiżgura li l-ħidma ffinanzjata minn dawn il-programmi tagħti riżultati u tipprovdi lill-Kummissjoni b’kontribut siewi għall-kompiti ta’ politika tagħha.
L-aġenziji u l-korpi tal-Euratom
Hemm 2 aġenziji tal-Euratom u korpi li twaqqfu biex jappoġġjaw l-għanijiet tat-Trattat tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (EURATOM, 1957). L-għanijiet tat-Trattat huma: li jikkoordina programmi ta’ riċerka nukleari nazzjonali, għal skopijiet paċifiċi li jipprovdi t-tagħrif, l-infrastruttura u l-finanzjamenti għall-enerġija nukleari u li jiżgura provvisti suffiċjenti u sikuri ta' enerġija nukleari.
L-Aġenzija tiżgura provvista regolari u ekwa ta’ fuels nukleari lill-utenti tal-UE. Dan isaħħaħ is-sigurtà tal-provvista lill-utenti fl-Unjoni Ewropea.
L-impriża konġunta tamministra l-kontribuzzjoni tal-UE għall-proġett ITER (oriġinarjament, ir-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali), imfassal biex juri l-fattibbiltà xjentifika u teknoloġika tal-enerġija mill-fużjoni, u jikkoopera mal-Ġappun dwar ir-riċerka dwar il-fużjoni u proġetti ta’ żvilupp.