Bħala membru tar-reżistenza Olandiża matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Sicco Mansholt ra l-orruri tal-karestija li nfirxet fin-Netherlands lejn tmiem il-kunflitt. Hekk kif in-Netherlands kienu ġew liberati, huwa wiegħed li jaħdem bla heda biex jipprevjeni r-ritorn kemm tal-gwerra kif ukoll tad-destituzzjoni lejn l-Ewropa.

Ħajja u żminijiet
Mansholt kiber f’razzett, u straħ fuq l-esperjenzi tiegħu meta kien Ministru tal-Agrikoltura fil-gvern Netherlandiż ta’ wara l-gwerra. B’nuqqas serju ta’ ikel u kriżi imminenti, Mansholt ħa għadd ta’ miżuri biex jirrestawra l-provvisti tal-ikel malajr. Huwa stabbilixxa prezzijiet minimi għall-prodotti agrikoli l-aktar importanti flimkien ma’ taxxi tal-importazzjoni u appoġġ għall-esportazzjonijiet. Huwa kien konvint li l-Ewropa kollha kellha bżonn issir awtosuffiċjenti u li provvista stabbli ta’ ikel affordabbli għandha tkun garantita għal kulħadd.
Viżjoni għall-Ewropa
Federalista Ewropew konvint, Mansholt ħolom politika agrikola komuni għall-Ewropa. Fl-1950, huwa żviluppa pjan għal suq komuni għall-prodotti agrikoli fl-Ewropa bi struttura governattiva sovranazzjonali.
Għalkemm dak iż-żmien falla, aktar tard reġa' ngħatat ħajja ġdida u kien l-ispirazzjoni wara l-politika agrikola tal-Komunità Ekonomika Ewropea. Mansholt ingħata l-opportunità li jniedi l-pjanijiet tiegħu għal politika komuni meta sar Kummissarju għall-Agrikoltura fl-ewwel Kummissjoni Ewropea fl-1958.
Sicco Mansholt jispjega il-viżjoni tiegħu għas-settur agrikolu tal-Ewropa
Diskors ta' Sicco Mansholt, fl-10 ta' Diċembru 1968, fi Brussell
Il-Kummissjoni għadha kif spjegat l-opinjonijiet tagħha lill-Kunsill tal-Ministri dwar x'hemm bżonn isir fis-settur agrikolu tal-Ewropa fl-għaxar snin li ġejjin.
Infurmat lill-Kunsill li l-ewwel se jiġi diskuss memorandum dwar kif inhi strutturata l-agrikoltura, fis-sens wiesgħa tagħha.
Il-miżuri involuti tant huma wiesgħa, mhux biss finanzjarjament iżda wkoll strutturalment, li l-Kummissjoni tħoss li hemm bżonn ta' memorandum.
Pubblikazzjonijiet
Aktar dwar il-ħajja, ix-xogħol u l-kontribuzzjoni lill-proġett Ewropew ta’ Sicco Mansholt